Isalva tarbija; iweġġa’ fuq ix-xogħol; jingħata Ġieħ ir-Repubblika

Il-Kuntistabbli Simon Schembri, li f’April li għadda kien indarab serjament fuq xogħlu wara li tkaxkar minn karozza kien wieħed fost dawk ippremjat b’Ġieħ ir-Repubblika għal din is-sena. Hu magħruf ukoll li salva tarbija lura fl-2013.

Kull sena f’Jum ir-Repubblika, il-President ta’ Malta, f’isem il-Gvern u l-poplu Malti, tagħti ġieħ pubbliku lil għadd ta’ Maltin li jiddistingwu ruħhom f’oqsma differenti tal-ħajja b’ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu jew fix-Xirka Ġieħ ir-Repubblika, jew bl-għoti tal-Midalja għall-Qlubija u tal-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Schembri twieled fir-Renju Unit fl-1969 u jaħdem bħala kuntistabbli tal-pulizija tat-traffiku. Din is-sena, propju f’April li għadda Schembri ġie mkaxkar fuq xogħlu wara li waqqaf żagħżugħ ta’ 17-il sena għax ma kienx liebes iċ-ċinturin tas-sigurtà. Kawża tal-inċident li seta’ kien wieħed fatali, Schembri spiċċa tilef idu.

Dan l-inċident wassal lil Schembri sabiex iwaqqaf The Blue Light Foundation, li hija organizzazzjoni volontarja li toffri appoġġ morali u għajnuna psikolopika u finanzjarja lill-impjegati li jaħdmu fis-setturi ta’ rispons f’każijiet ta’ emerġenza u l-forzi dixxiplanti li jkorru waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Fi stqarrija mill-uffiċċju tal-kabinett ġie spjegat kif fl-2013, Schembri wera d-dedikazzjoni tiegħu lejn xogħlu meta għen u eskorta sal-isptar mara tqila li kienet qed twelled u inqabdet fit-traffiku. Kien ġie rrappurtat li t-tarbija kellha l-kurdun imdawwar m’għonqha u għaldaqstant, l-intervent ta’ Schembri salva lit-tarbija.

Matul iċ-ċerimonja ta’ din is-sena, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, tat ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu lil 12-il persuna, tnejn minnhom fuq bażi onorarja u persuna wara mewtha. 10 persuni oħra ngħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika. Wieħed minn dawn tal-aħħar ingħata l-unur fuq bażi onorarja.