Is-swieq jitilfu fil-valur grazzi għall-Portugall

Is-swieq finanzjarji madwar id-dinja ħadu daqqa l’isfel hekk kif bank maġġuri fil-Portugall qed jiffaċja problemi kbar. Banco Espirito Santo kellu l-ishma tiegħu sospiżi minn kull tip ta’ negozju.
Dan wassal għal xokk madwar id-dinja kollha hekk kif reġgħat bdiet taħkem il-biża’ li dan il-falliment ikollu effett fuq banek oħra. Madankollu jidher li hekk kif is-swieq naqsu fil-valur, kien hemm xerrejja li immedjatament daħlu fis-swieq biex jixtru b’dawn il-prezzijiet mnaqqsa. Dan wassal biex is-swieq ma komplewx neżlin b’dik ir-rata li rajna fl-aħħar jiem. Matul il-ġurnata tal-ġimgħa, is-swieq rkupraw xi ftit iżda xorta bqajna b’telf għal din il-ġimgħa.
Banco Espirito Santo ra tnaqqis minn Moody’s li hija aġenzija ta’ kreditu. Aħbarijiet negattivi dwar dan il-bank waslu biex il-bank tilef 19% fil-valur tal-ishma tiegħu matul il-ġurnata tal-Ħamis. Il-grupp li jifforma parti minnu dan il-bank qed isostni li hemm biżżejjed kapital u għal daqstant m’għandux ikun hemm il-problemi li wieħed qed jassumi.
Bosta analisti finanzjarji ddiskrevew dan il-perjodu bħala wieħed ta’ konfużjoni u li jista’ joħloq iċertezza. Diġa’ teżisti inċertezza bil-problemi ma jieqfu xejn li nsibu fil-Lvant Nofsani u l-Ukraina. Il-prezzijiet tal-bonds ma tantx kienu affetwati minn dan kollu. 
Il-kumpanija Whirlpool se tixtri 60% tal-ishma ta’ Indesit, meqjusa bħala waħda mill-ikbar kumpaniji ta’ white goods fl-Italja. Din it-transazzjoni se tkun ta’ biljun dollaru Amerikan, cioe 4.5% iktar mill-valur tal-ishma hekk kif kwotati fuq is-suq. Il-kumpanija Imperial Tobacco rat żieda ta’ kważi 3% fil-prezz tal-ishma hekk kif tħabbar li għaddejjin negozjati biex jixtru ditti li għandhom Reynolds u Lorillard. 
Il-kumpanija tal-ajru Emirates għamlet ordni ta’ 150 ajruplan ġdid mingħand Boeing. Il-valur ta’ din l-ordni huwa ta’ 56 biljun dollaru Amerikan.
Hemm il-possibilità li jiġu ordnati 50 ajruplan ieħor biex b’hekk l-ordni tkun tiswa 75 bilun dollaru Amerikan. Il-produzzjoni ta’ dawn l-ajruplani se tibda fl-2017 bl-ewwel ajruplan ikun lest fl-2020. Dan għandu jkompli jagħmel minn Emirates waħda mill-ikbar kumpaniji tal-ajru fid-dinja.
L-aġenzija tal-aħbarijiet Ċiniża qalet li l-Bank Ċentrali Ċiniż se jkun qed jinvestiga allegazzjonijiet li ir-raba’ l-ikbar bank Ċiniż, Bank of China, kien involut f’ħasil ta’ flus biex joħroġ flus mill-pajjiż.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250