Is-swieq jissaħħu waqt li l-inċertezza tkompli

Bosta swieq finanzjarji madwar id-dinja komplew jaraw żieda matul l-aħħar jiem. Kien hemm ċerti indiċi li laħqu livelli rekord. Minkejja dawn ir-riżultati pożittivi, bosta analisti jħossu li l-inċertezza fis-swieq għadha hemm. Is-swieq qed jaraw inqas volum issa li beda is-sajf. Dan huwa fenomenu normali li jiġri kull sena.
L-impjiegi fl-Istati Uniti qed ikomplu jinħolqu b’rata iktar minn kemm mistenni. Dan qed inissel fiduċja fis-swieq iżda żviluppi fix-xena internazzjonali u riżultati mhux daqstant pożittivi mill-Ewropa u l-Asja qed ixeklu dan il-progress.
L-ishma tal-Bank Erste naqsu bi 12% fil-valur tagħhom fl-aħħar jiem hekk kif tħabbar li l-Bank se jsofri telf matul din is-sena. Riżultati negattivi mill-Ungerija u ir-Rumanija waslu għal dan. Il-kumpanija tal-ajru EasyJet rat żieda ta’ 3% hekk kif tħabbar li f’Ġunju ġarret 10% iktar passiġġieri mis-sena l-oħra.
L-ordnijiet għal fabbriki Ġermaniżi naqsu iktar minn kemm mistenni filwaqt li anke l-kunfidenza tal-konsumatur Ġermaniż kompliet tinżel. Minkejja dan, bosta analisti finanzjarji qed isostnu li l-ikbar problemi huma dawk fi Franza u l-Italja fejn id-djun qed jogħlew u mhux qed jinħoloq xogħol kemm mixtieq. Statistika ppublikata din il-ġimgħa tindika li l-bejgħ fit-18-il pajjiż li jiffurmaw iż-żona ewro ma kienx kemm mistenni. Wara tnaqqis f’April, issa rajna li f’Mejju bqajna fl-istess ilma. Bosta analisti qed jgħidu li hemm bżonn iktar stimolu biex il-bejgħ bl-imnut jerġa’ jieħu spinta ‘l quddiem.
Is-suq prinċipali Amerikan magħruf bħala Dow Jones laħaq 17,000 bħala indiċi. Dan huwa l-ogħla livell li qatt ra dan l-indiċi. Fl-aħħar 227 ġurnata dan l-indiċi żdied b’elf punt bil-kumpaniji Caterpillar u Walt Disney jaraw żieda ta’ 20% fil-valura tal-ishma tagħhom.
Sal-aħħar ta’ Lulju trid tinstab soluzzjoni dwar x’se jiġri mid-dejn tal-Arġentina. Bonds li kienu ma tħallsux lura bil-prezz nominali tagħhom spiċċaw fi kwistjoni legali fl-Istati Uniti. Il-Qorti Amerikana ddeċidiet li dawn il-bonds għandhom jitħallsu kollha. L-Arġentina m’għandhiex biżżejjed flus biex tħallas għal dawn il-bonds kif ukoll għal bonds oħra li ħarġet fl-aħħar snin. Diskussjonijiet ben il-Gvern Arġentin u kumpaniji li jirrappreżentaw il-bondholders jistgħu jwasslu għal soluzzjoni. 
 

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250