Is-swieq finanzjarji internazzjonali jnaqqsu ftit mir-ritmu

L-ishma ġewwa l-Asja raw tnaqqis fl-aħħar jiem hekk kif qed iqumu dubji dwar kemm verament l-ekonomija Amerikana qegħda tissaħħaħ. Wara ġimgħat sħaħ fejn kellna burdata pożittiva fis-swieq internazzjonali, issa jidher li dan ir-ritmu ikkalma xi ftit. Is-swieq Ewropej jinsabu lura għal livelli li kienu xahar ilu. Bosta jattribwixxu dan għal fatt li ekonomiji kbar bħal dawk tal-Italja u Franza mhux qed iġiebu ir-riżultati li wieħed jistenna minnhom. Kien hem kritika għal dawn iż-żewġ pajjiżi fil-mezzi tax-xandir internazzjonali fl-aħħar jiem. Filwaqt li huwa tajjeb li pajjiżi Ewropej b’ekonomija żgħira jagħmlu progress, dan mhux biżżejjed biex iz-zona ewro tirreġistra il-progress li hemm bżonn. Mingħajr riżultati tajbin fl-Italja u Franza, is-sitwazzjoni se tibqa’ inċerta stqarrew analisti finanzjarji.
Fl-ewwel kwart tas-sena l-ekonomija Amerikana ma kibretx b’kemm mistenni imma l-indikazzjonijiet huma li jkun hemm tkabbir ta’ 3% matul din is-sena. Fir-Renju Unit, il-prezz tad-djar ma għoliex wisq fl-aħħar ġimgħat hekk kif l-Ingliżi xorta qed juru ottimiżmu qawwi li l-ekonomija qegħda titjieb. Il-kriżi fl-Iraq wkoll mhux qed tgħin.
Fost il-kumpaniji li raw żidiet f’dawn il-jiem insibu l-Mediaset SpA b’żieda ta’ 4% hekk kif Exane BNP Paribas tejjeb il-livell ta’ din il-kumpanija. Il-kumpanija GoPro li timmanifattura cameras li jintużaw minn skydivers u windsurfers rat żieda ta’ 30% hekk kif l-ishma tagħha tpoġġew fuq in-Nasdaq. Il-Gvern Arġentin qed jipprova jsib soluzzjoni għal biljuni ta’ bonds li għandu jħallas fil-jiem li ġejjin. Il-Ministru tal-Finanzi Arġentin qed jakkuża li hemm min għandu interess li dan il-pajjiż jerġa’ jfalli.
Wara li f’nofs Ġunju rajna bosta indiċi Ewropej jilħqu livelli rekord, diversi investituri ġibdu xi ftit mill-profitti fl-aħħar jiem. Dan wassal sabiex xi indiċi tilfu fil-valur. Dan huwa fenomenu normali. Kien id-dollaru Kanadiż li ssaħħaħ ma’ diversi muniti oħra fl-aħħar jiem li ssorprenda lil bosta analisti finanzjarji. Il-kunfidenza tal-konsumatur Ingliż issaħħet għal darb’oħra u dan jawgura tajjeb ghas-swieq finanzjarji.
Il-kumpanija internazzjonali li timmanifattura prodotti sportive Nike rreġistrat żieda fil-bejgħ u fil-profitti. Fi tlett xhur in-Nike rat bejgħ ta’ 7.43 biljun dollaru Amerikan. L-ishma raw żieda ta’ 3% fil-valur hekk kif tħabbar li fl-ewwel xhur ta’ din is-sena kien hemm dawn ir-riżultati. Il-kompetituri Adidas u Puma huma l-iktar li jintlaqtu f’dan ir-rigward. Madankollu l-Adidas huma meqjusa li għadhom l-iktar popolari fil-qasam tal-football.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250
L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti ghal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’ghandhomx jiġu kunsidrati bħala parir ta’ investiment