Is-swieq finanzjarji internazzjonali jkomplu neżlin

Fl-aħħar ġimgħat is-suq finanzjarju Ġermaniż tilef madwar 10%. Dan irrifletta wkoll f’telf f’diversi swieq oħra madwar l-Ewropa. Konna drajna li hekk kif ikun hemm ftit telf, dan jiġi rkuprat b’mod immedjat b’investituri jixtru b’dawk il-prezzijiet irħas. Madankollu fl-aħħar ġimgħat dan il-fenomenu ma rajniehx. It-telf fl-indiċi tal-ishma kompla jiżdied ġurnata wara l-oħra. It-tensjoni politika f’diversi reġjuni madwar id-dinja qegħda twassal għal dan, skond bosta analisti finanzjarji. 
It-telf kien fuq l-ishma u mhux fuq bonds li kważi żammew l-istess prezz għoli li kellhom fl-aħħar xhur. Is-swieq Amerikani, Dow Jones u S&P 500, ukoll raw telf matul l-aħħar jiem. Il-President Obama ordna li tittieħed azzjoni militari bl-ajru fuq l-Iraq. Hekk kif ħarġet din l-aħbar, is-swieq ħadu daqqa l’isfel. Din l-aħbar ħarġet x’ħin is-suq Ġappuniż, magħruf bħala Nikkei, kien miftuħ. Dan tilef 3% x’ħin l-aġenziji tal-aħbarijiet irrapurtaw din l-aħbar. 
Hekk kif diversi pajjiżi għamlu sanzzjonijiet ġodda kontra ir-Russja, il-Gvern Russu irritalja għal dan. Kumpaniji Russi mhux se jibqgħu jixtru ikel mill-Unjoni Ewropeja, l-Istati Uniti, il-Kanada u in-Norveġja. Ir-Russja hija wieħed mill-ikbar konsumaturi ta’ dawn il-pajjiżi. Il-lista tinkludi laħam, ħxejjex, frott, ħut u prodotti magħmula mill-ħalib. Fis-sena 2013, ir-Russja kienet xtrat prodotti b’valur ta’ 12 –il biljun ewro mill-Ewropa.
Il-bank Taljan Monte dei Paschi u l-kumpanija taż-żraben lussużi Tod’s raw telf ta’ 8% fl-ishma tagħhom hekk kif raw tnaqqis fil-bejgħ. Il-linja tal-ajru Air France rat żieda fin-numru ta’ passiġġiera iżda xorta waħda l-ishma raw tnaqqis fil-valur tal-ishma. Il-kumpanija Amerikana Twenty-First Century Fox rat żieda fil-profitti li rriflettiet f’żieda ta’ 5% fil-valur tal-ishma matul dn il-ġimgħa. Kollox jindika li l-Gvern tal-Malasja se jixtri il-linja tal-ajru Malaysia Airlines wara li din tinsab kważi falluta. Din kienet sena diffiċli ferm għal din il-linja tal-ajru meta kienet involuta f’żewġ traġedji kbar.
 
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250
L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti ghal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’ghandhomx jiġu kunsidrati bħala parir ta’ investiment