Is-swieq finanzjarji internazzjonali għan-niżla

Iż-żidiet li rajna matul din is-sena sa issa, li kienu ferm inqas minn dawk li rajna fl-2013, intilfu f’temp ta’ ġimgħa.
Bosta aħbarijiet negattivi minn madwar id-dinja kollha waslu għal dan.
Il-falliment tal-Arġentina li naqset milli tħallas djun li kellha, kif ukoll iktar sanzjonijiet fuq ir-Russja, waslu għal iktar inkwiet fis-swieq finanzjarji. 
Fost l-oħrajn is-Suq Ġermaniż tilef kważi 4% f’ġimgħa. Is-swieq Amerikani, Dow Jones u S&P 500, raw żieda f’kull xahar matul din is-sena ħlief għal Lulju.
Statistika dwar ħolqien ta’ impjiegi fl-Istati Uniti, wkoll kienet fqira u dan wassal sabiex iktar investituri bdew ibiegħu l-ishma tagħhom. 
Għat-tieni darba fi tlettax–il sena, l-Arġentina tinsab falluta. Dan wara li Qorti Amerikana iddeċiedit li bonds li ma kienux tħallsu tnax –il sena ilu, għandhom jitħallsu.
B’kollox grupp Amerikan għandu jieħu 539 miljun dollaru. Il-Gvern Arġentin qed jikkontesta din iċ-ċifra.
L-ishma ta’ kumpaniji fl-Arġentina niżlu b’iktar minn 8% hekk kif tħabbar li ma kienx hemm flus biex jitħallsu dawn il-bonds. Jidher li dan jista’ joħloq inċertezza kbira.
L-iktar aħbar li ħalliet effett negattiv fuq i-swieq ġiet mill-Portugall. Bank kbir Portugiż, Banco Espirito Santo, irreġistra telf ta’ kważi 5 biljun dollaru Amerikan.
L-ishma fil-Portugall qabdu it-triq tan-niżla, bl-ishma ta’ dan il-bank partikolari jinżlu minn 1.20 ewro kull sehem f’Jannar għal 20 ċenteżmu fl-aħħar ta’ Lulju. Jidher li dan it-tnaqqis ma hux qed ikun reġistrat fis-swieq tal-bonds. 
Hekk kif intemmet it-Tazza tad-Dinja, bil-Ġermanja tirbaħ din l-edizzjoni u jkollhom lil Adidas bħala sponsor, ħarġet aħbar ferm negattiva fuq din il-kumpanija internazzjonali.
Il-profitti għat-tieni kwart tas-sena niżlu b’16%. Dan wassal biex matul il-ġurnata tal-Ħamis, l-ishma ta’ Adidas tilfu 16% tal-valur tagħhom f’temp ta’ ftit siegħat.
Kienet ġimgħa diżappuntanti għal-isterlina wara li statistika fuq manifattura uriet li ir-ritmu li nqabad fl-aħħar xhur qed ibatti.

Għal aktar informazzjoni agħfas hawn.