Is-swieq finanzjarji internazzjonali bdew jirkupraw

Wara ġimagħtejn ta’ telf f’bosta swieq finanzjarji madwar id-dinja, rajna s-swieq jibdew jikrupraw. L-inkwiet f’diversi pajjiżi kompla iżda bħal donnu s-swieq ma tantx kienu affettwati. Bosta analisti qalu li l-attenzjon tal-mezzi tax-xandir naqsu milli jirrapurtaw l-inkwiet fil-Lvant Nofsani u fl-Ukraina u għaldaqstant is-swieq waqfu jirreġistraw telf. Diversi opinjonisti oħra stqarrew li investituri daħlu fis-swieq biex jixtru b’dawn il-prezzijiet irħas.
Is-swieq Amerikani, Dow Jones u S&P 500, raw żidiet tajba fl-aħħar jiem. L-ishma tal-kumpanija internazzjonali Apple laħqu l-ogħla prezz fl-istorja tagħhom. Għal kuntrarju l-prezz taż-żejt jinsab fl-iktar livell baxx għal dawn l-aħħar 10 xhur. L-indikazzjonijiet huma li l-prezz taż-żejt se jibqa’ f’dawn il-livelli sal-aħħar tas-sena. 
Bank of America ra żieda ta’ 10% sa issa f’Awwissu, wara ftehim mal-Gvern Amerikan dwar xi djun. L-ishma ta’ dan il-bank xorta waħda jinsabu madwar 10% inqas fil-valur minn kemm kienu f’April li għadda. Hewlett Packard irreġistrat titjib fid-dħul li wassal sabiex l-ishma komplew jogħlew fil-prezz. Fi Frar kellhom prezz ta’ 28 dollaru, u issa dan tela’ għal 37 dollaru. L-ishma ta’ eBay ukoll raw żieda tajba fl-aħħar jiem. Fil-bidu ta’ Ġunju dawn kienu niżlu għal 49 dollaru u issa jinsabu 57 dollaru. Jidher li xi żviluppi fil-Paypal waslu għal dan.
L-Isterlina kompliet tiddgħajjef kontra bosta muniti fl-aħħar jiem filwaqt li d-dollaru Awstraljan issaħħaħ kemm mal-ewro kif ukoll mad-dollaru Amerikan.
Fit-tieni l-ikbar ekonomija dinjija, rajna tnaqqis fil-manifattura matul ix-xahar ta’ Awwissu. Jidher li l-ekonomija taċ-Ċina mhux se tikber kemm mistenni matul din is-sena. L-indikazzjonijiet juru li minkejja li l-ekonomija Ċiniża qed tikber, din mhux qed tikber biżżejjed u tinsab f’livelli baxxi li ilna ma naraw mill-1990. Dan qed iwassal għal iktar pressjoni fuq l-awtoritajiet biex itejbu l-mod kif jaħdmu s-swieq.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel.21493250