Is-swieq Ewropej jissaħħu waqt li l-ewro jiddgħajjef

Il-mossa tal-Bank Ċentrali Ewropew biex kull xahar jixtru b’€60 biljun f’bonds ta’ Gvernijiet u kumpaniji Ewropej wassal sabiex l-ewro ħa daqqa ’l isfel ma’ bosta muniti.
Għall-kuntrarju, l-indiċi madwar l-Ewropa kollha raw żidiet. L-indiċi Ġermaniż, magħruf bħala DAX, jinsab f’livell rekord. L-aħħar ġimgħatejn kienu l-aqwa fl-aħħar ħames snin għall-ishma madwar l-Ewropa. L-indiċi Ingliż FTSE 100, li jkopri l-ikbar 100 kumpanija Ingliża, qiegħed fl-aqwa livell għall-aħħar seba’ snin. Is-suq finanzjarju Franċiż ilu ma jkun b’saħħtu hekk sa minn nofs is-sena 2008.
L-ewro kompla jitlef kontra bosta muniti. Din is-sena l-ewro sofra telf ta’ madwar 7% kontra d-dollaru Amerikan u dak Awstraljan kif ukoll kontra l-isterlina. Bl-ewro dgħajjef, kumpaniji Ewropej li jesportaw qed igawdu minn profitti ikbar.
Banek Ewropej ukoll qed igawdu minn dan kollu. Hu mifhum li kumpaniji Ewropej jistgħu jikkompetu aħjar jekk l-ewro jkun baxx mad-dollaru Amerikan.
Southwest Airlines irduppjat il-valur tal-ishma tagħha fl-aħħar sitt xhur hekk kif il-prezz tal-fuel użat mill-ajruplani naqas bin-nofs. Ir-roħs tal-fuel użat mill-ajruplani qed iwassal biex ħafna linji tal-ajru jaraw żieda fil-profitti. Għaqdiet tal-konsumaturi madwar id-dinja qed jitolbu biex il-biljetti tal-ajru jorħsu.
L-ishma ta’ American Express tilfu 10% fil-valur hekk kif ħabbru li se jnaqqsu l-ħaddiema b’6% u b’hekk jitkeċċew 4,000 ħaddiem. L-ishma ta’ Google għadhom madwar 20% iktar baxxi fil-valur milli kienu erba’ xhur ilu.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment