‘Is-swat fuq it-tfal huwa importanti’ – tifel ta’ 10 snin

Tifel Malti ta’ 10 snin qal li jaħseb li s-swat fuq it-tfal huwa importanti. Dan qalu waqt avveniment ta’ The Children’s Hub fil-Fondazzjoni Maltija għall-Benessri tas-Soċjetà fejn attendew mal-550 student tal-iskola Sajf.

Il-Kap tal-Hub, Angela Caruana tkellmet dwar dak li qalu t-tfal waqt is-sessjonijiet fejn tkellmu fuq is-swat bħala kastig għal meta jagħmlu xi ħaġa ħażina. Filwaqt li t-tifel ta’ 10 snin qal li bħal donnu jaqbel mas-swat, tfal oħrajn qalu li qed jgħid hekk għax ma jafx x’jiġifieri li tkun imsawwat u spjegaw li s-swat huwa xi ħaġa li tweġġagħhom ħafna.

Xi tfal irrakkuntaw li s-swat fid-dar tagħhom kienet ħaġa pjuttost normali u minkejja li mhix xi ħaġa li togħġobhom, ħassew li hija ġustifikata jekk ikunu għamlu xi ħaġa ħażina.

Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, li hija wkoll il-President tal-Eurochild, qalet li diskors bħal dan juri b’mod ċar li s-swat bħala kastig għandu parti mill-kultura tal-gżira. Qalet li fil-passat, it-tfal kienu jiġu ddixxiplinati b’dan il-mod u s-swat kien prattika aċċettabbli. Iżda issa, kompliet tgħid, iż-żmien inbidel u għaldaqstant hemm bżonn li kulħadd jingħaqad flimkien u jaħdem għal żvilupp pożittiv tat-tfal.

Spjegat li r-riċerka turi li t-tfal li jesperjenzaw vjolenza tat-tip isofru b’mod psikoloġiku u jġorru din il-ħsara matul ħajjithom kollha.