“Is-suwiċidju huwa t-tmiem ta’ kwalunkwe soluzzjoni”

Read in English.

Dr Paulann Grech, lettur mid-Dipartiment tas-Saħħa Mentali fl-Università ta’ Malta, saħqet li ironikament is-suwiċidju huwa fil-fatt it-tmiem ta’ kwalunkwe soluzzjoni, iżda minkejja dan kollu persuna tista’ tasal fi stat li tara s-suwiċidju bħala l-unika soluzzjoni għall-uġigħ li tkun qed tħoss.

Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Grech stqarret li l-kawżi ta’ suwiċidju huma varji u sostniet li f’ċertu każijiet is-suwiċidju jkun ippremeditat minħabba li l-persuna tkun ilha żmien twil tippjanah. F’każijiet oħra persuna taqbad u tagħmel suwiċidju iżda dan ma jkunx neċessarjament marbut ma’ problemi ta’ saħħa mentali.

13-il każ ta’ suwiċidju fi tmien xhur

F’Malta, minn Jannar sal-21 ta’ Awwissu ta’ din is-sena, ġew irrappurtati lill-Pulizija 13-il każ ta’ suwiċidju. Kien hemm żewġ suwiċidji fix-xahar irreġistrati mal-Pulizija, f’Jannar, f’Mejju u f’Awwissu (sal-21 tax-xahar). Fi Frar u Marzu ġew irreġistrati tliet suwiċidji fix-xahar, wieħed f’April, u l-ebda każ f’Ġunju u f’Lulju.

“Emerġenza, bħal attakk tal-qalb”

Dr Paulann Grech, saħqet li fil-qasam tas-saħħa mentali, suwiċidju jitqies bħala emerġenza psikjatrika. Spjegat li bħalma attakk tal-qalb huwa kkunsidrat bħala emerġenza medika minħabba li jista’ jkun fatali, suwiċidju huwa kkunsidrat bħala emerġenza psikjatrika. Sostniet li minkejja li t-tnejn huma emerġenza li tista’ twassal għal fatalità, is-suwiċidju jibqa’ tabù minħabba perċezzjoni mhux korretta.

Hi sostniet li persuna li tibda taħseb fuq suwiċidju ħafna drabi tkun riżultat ta’ stat mentali fejn persuna tħoss iktar uġigħ minn dak li tkun tista’ terfa’ f’dak il-mument. L-uġigħ jegħleb il-persuna bil-konsegwenza li l-persuna tħossha li ma baqa’ l-ebda soluzzjoni ħlief il-mewt.

“Is-solitudni hi l-katalist komuni ta’ suwiċidji”

Dr Grech spjegat kif is-solitudni (loneliness) hi l-katalist komuni ta’ suwiċidji. Irreferiet għall-psikologu Amerikan Abraham Maslow, li fil-ġerarkija ta’ ħtiġijiet bażiċi jsemmi li wara li jintlaħqu l-bżonnijiet fiżjoloġiċi u dak ta’ sigurtà, il-bniedem ikollu bżonn li jħossu parti mis-soċjetà u li jħoss li jappartjeni fil-komunità. Kompliet tgħid li jekk dan il-bżonn ma jintlaħaqx, hemm il-fenomenu ta’ mewt minħabba qtigħ ta’ qalb għalkollox. Stqarret li dan isir possibilità reali ħafna.

Dr Grech kompliet tgħid ma’ Newsbook.com.mt li ħsibijiet ta’ suwiċidju ma jinbtux biss f’moħħ persuna li tagħmel suwiċidju iżda ħafna persuni jgħaddulhom dawn il-ħsibijiet f’ċertu punt f’ħajjithom.

Hi spjegat li huwa ferm importanti li wieħed jagħmel differenza dwar jekk ir-riskju jkunx baxx, moderat, jew sever. Sostniet li l-ogħla riskju huwa f’dawk il-persuni li jkunu ppjanaw fejn, kif u meta se jwettqu suwiċidju. Dr Grech fissret li filwaqt li persuna bi ħsibijiet suwiċidjali għandha bżonn li tiġi osservata u tingħata s-sapport kollu meħtieġ, ma jfissirx li persuna għandha tiddaħħal l-isptar għal eżami psikjatriku profond.

X’inhuma s-sinjali li jindikaw li persuna qed toqrob għal suwiċidju?

Dwar x’sinjali jindikaw li persuna tkun qed toqrob biex twettaq suwiċidju, Dr Grech spjegat li wħud mis-sinjali huma li persuna tpoġġi l-affarijiet fl-ordni, issir kalma għall-għarrieda, dwejjaq kbar, tinqata’ għaliha waħedha, tieqaf tieħu sehem f’attivitajiet li qabel kienet tagħmel, thewdin jew taffaxxina ruħha bil-mewt jew suwiċidju.

“Bżonn li titkellem, mhux bilfors tma’ persuna mill-qasam mediku”

Newsbook.com.mt staqsa lil Dr Grech x’għandu jagħmel persuna li jkun qed jesperjenza dawn il-ħsibijiet, bil-lettur twieġeb li l-importanti huwa li wieħed jitkellem mhux bilfors ma’ persuna mill-qasam mediku. Hi spjegat li ħafna drabi persuna li tkun qed tfittex li titkellem f’dawn is-sitwazzjonijiet, għandha tingħata l-opportunità li titkellem u li ħaddieħor jismagħha. Sosniet li dawk kollha li qed jesperjenzaw dawn il-ħsibijiet jistgħu jfittxu l-għajnuna billi jċemplu l-helplines li jeżistu bħal 1770 li huwa ta’ Richmond Foundation u Supportline 179. Semmiet ukoll is-servizz Kellimni.com.

“Tippanikjax, ibqa’ kalm”

Dr Grech issuġġeriet li jekk persuna tiġi kkuntattjata minn persuna li tkun qed tikkunsidra tagħmel suwiċidju huwa importanti li wieħed ma jippanikjax u jibqa’ kalm. Spjegat li l-aħjar ħaġa huwa li wieħed iħeġġeġ lill-persuna tfittex l-għajnuna neċessarja mingħand professjonisti fil-qasam.

Kompliet tgħid li filwaqt li wieħed jifhem l-element ta’ kunfidenzjalità jekk persuna taħseb li l-persuna l-oħra se tpoġġi ħajjitha f’riskju, huwa importanti li jfittxu għajnuna għall-persuni li jkollhom dawn it-tip ta’ ħsibijiet.

Dr Grech temmet tgħid li fl-aħħar mill-aħħar irid ikompli jitqajjem għarfien dwar dan is-suġġett, “forsi l-ewwel pass għandu jkun li nitkellmu iktar dwar is-suwiċidju biex jiġi nnormalizzat, għax wara kollox huwa fenomenu inkwetanti ferm”.

Aqra iktar:

Omm tirrakkonta kif l-istigma wasslet lil binha jmut b’suwiċidju

Ir-riskju tas-suwiċidju jogħla fis-sajf – Psikjatra

“88% tas-suwiċidji f’Malta saru minn irġiel”