Is-sussidjarja ta’ GO f’Ċipru, l-ewwel kumpanija b’ħarġa ta’ bonds f’Malta

Read in English.

Cablenet Communications Systems plc, kumpanija sussidjarja li fiha, GO għandha sehem ta’ 60.26%, hija l-ewwel kumpanija barranija b’ħarġa ta’ bonds fis-suq lokali u nklużi fil-Lista Uffiċjali tal-Borża ta’ Malta nhar il-21 ta’ Awwissu 2020. Il-valur ta’ bonds maħruġa huwa ta’ €40 miljun.

Il-bonds tqassmu lil għadd ta’ intermedjarji, azzjonisti u impjegati ta’ GO. Cablenet daħlet fi ftehim ta’ pre-allocation ma’ għadd ta’ intermedjarji finanzjarji lokali fejn kienu allokati madwar €32 miljun f’bonds. €8 miljuni oħra inżammu għall-impjegati u azzjonisti ta’ GO. L-offerta lil dawn ta’ l-aħħar kienet oversubscribed b’iżjed minn €2.9 miljun.

“Din kienet esperjenza mill-aqwa b’mod partikolari meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi u l-isfidi li għandna quddiemna bħalissa minħabba din il-pandemija globali,” qal Nikhil Patil, il-Kap Eżekuttiv ta’ GO plc.

“Għal darb’oħra, is-suq Malti qed jerġa’ juri l-fiduċja kollha fina, fis-sussidjarji u fil-viżjoni tagħna. Ninsab grat, b’mod partikolari lejn it-tim tagħna ta’ esperti legali u finanzjarji kemm f’Malta kif ukoll f’Ċipru li ħadmu mingħajr waqfien u fi żmien straordinarju, biex dan il-proċess jerġa jkun wieħed ta’ suċċess,” żied is-sur Patil.

F’kumment dwar il-proċess, Yiannos Michaelidis, CEO ta’ Cablenet qal, “kburin bil-fatt li aħna l-ewwel kumpanija barranija li temmejna b’suċċess dan il-proċess ta’ ħruġ ta’ bonds u li issa aħna preżenti fuq il-Borża ta’ Malta. Ir-rispons mill-aqwa li rajna għal din l-offerta juri l-fiduċja li qed ingawdu fis-suq Malti u dak Ċiprijott u dan jagħmilna iżjed kunfidenti li nkomplu mexjin ‘il quddiem fil-programm ambizzjuż ta’ ħidma li għandna quddiemna sabiex inkomplu nikbru u nwasslu iżjed valur lill-klijenti u l-azzjonisti tagħna.”

In-network ta’ Cablenet bħalissa jkopri 55% tad-djar kollha f’Ċipru u joffri servizz veloċi ta’ broadband, diversi stazzjonijiet tat-TV b’definizzjoni għolja u telefonija fissa, kollox minn konnessjoni waħda. Il-kopertura tas-servizz qed ikun estiża bħala parti minn programm mifrux fuq diversi snin li jinkludi wkoll titjib fis-sistemi u l-proċessi sabiex il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni tibqa’ l-aqwa waħda fis-suq.

Aktar riċenti, Cablenet xtrat il-mobile spectrum tagħha biex b’hekk, issa se tkun tista’ tibda topera n-network tagħha ta’ telefonija ċellulari. Il-kumpanija bi ħsiebha tuża’ dawn il-bidliet sabiex tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq tas-servizz tal-mobile fis-snin li ġejjin, u fl-istess ħin biex issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fil-provvista ta’ broadband. Din il-ħarġa ta’ bonds mistennija tkompli tgħin ukoll fit-tkabbir ta’ Cablenet fis-snin li ġejjin.

Dan it-tagħrif twassal minn GO plc.