Is-suspettat li seraq ajruplan kien furnar

Ir-raġel suspettat li seraq ajruplan vojt mill-ajruport f’Seattle, avventura li wasslitu sabiex jitlef ħajtu kien furnar flimkien ma’ martu u kien iħobb isiefer.

Richard Russell, jew kif jafuh sħabu Beebo, kellu 29 sena u kien joqgħod f’Washington. Minkejja li ismu ma ħariġx b’mod uffiċjali mill-awtoritajiet ikkonċernati, kemm il-familja tiegħu kif ukoll bosta entitajiet tal-midja internazzjonali rrappurtaw l-identità tiegħu.

Skont Reuters, Russell kien jaħdem bħala aġent li kien ta’ sapport għall-persuni inkarigati mill-bagalji, kif ukoll kien jigwida l-ajruplani fuq it-tarmakk. Skont il-paġna ta’ Facebook tiegħu, dan ix-xogħol kien itih l-opportunità li jmur l-Alaska għall-gost.

L-Awtoritajiet qalu li hu tela’ abbord ajruplan tal-passiġġieri vojt il-Ġimgħa filgħaxija miż-żona fejn jinżammu l-ajruplani bil-ħsara fl-ajruport internazzjonali ta’ Seattle-Tacoma. Hu dam fl-arja madwar siegħa u pprova jagħmel numru ta’ stunts qabel ma kkraxxja fuq il-gżira Ketron.