“L-istħarriġ ġeo-tekniku qabel il-bini rari jsir” – MDA

Christoph Schwaiger

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi (MDA) qalet li l-periti rari jagħmlu l-istħarriġ ġeo-tekniku neċessarju qabel ma jibda x-xogħol fuq bini ġdid. Dan qalitu fi stqarrija propju wara l-każ li seħħ fil-Mellieħa s-Sibt li għadda fejn iġġarfet blokka appartamenti maġenb sit ta’ kostruzzjoni.

L-assoċjazzjoni qalet li immedjatament wara li seħħ il-każ tas-Sibt uffiċjali marru fuq il-post u osservaw dak li kien ġara, filwaqt li ddiskutew flimkien mal-iżviluppatur u l-arkitett konċernati.

Aqra: Il-proċess għadu għaddej biex jitwaqqaf ir-Regolatur tal-Bini u l-Kostruzzjoni – il-Ministru Borg

Jidher li rriżulta li l-iskavar kien ġie komplut xi żmien ilu u l-bini fuq il-post kien qed jipprogressa b’mod normali. L-MDA qalet li qabel ma jiġi konkluż eżatt x’kien il-kawża tal-inċident permezz ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi, wieħed ma jistax ikun ċert x’wassal biex taqa’ din il-binja.

L-MDA tinsab inkwetata hekk kif il-periti rari jagħmlu t-testijiet ġeo-tekniċi neċessarji qabel ma jibda l-bini. Qalet li minkejja dan, fil-każ partikolari t-testijiet kollha neċessarji saru. Għaldaqstant l-MDA se tkun qed tipproponi li l-Gvern u l-awtoritajiet konċernati jiggarantixxu li dawn it-testijiet jibdew isiru b’mod mandatorju bħala parti mill-proċess tal-permess għall-iżvilupp kif isir f’bosta stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Aqra: Filmat: Sakemm jispiċċaw l-investigazzjonijiet hemm bżonn jittieħdu xi miżuri – Muscat