​Is-surplus tal-UE fis-servizzi naqas fl-2016

Skont stħarriġ ippublikat mill-Eurostat, is-surplus fil-kummerċ tas-servizzi tal-Unjoni Ewropea (UE) naqas għat-tielet sena konsekuttiva fl-2016.
Dan is-surplus kien ta’ €133.1 biljun fl-2016, ta’ €142.4 biljun fl-2015 u  ta’ €164.3 biljun fl-2014. Skont il-Eurostat, dan huwa riżultat ta’ nuqqas fl-esportazzjoni tas-servizzi mill-UE lejn il-bqija tad-dinja b’ 0.3%. Intant, l-importazzjoni żdiedet b’ 1%.
Fl-2016, l-Istati Uniti baqgħu l-aktar pajjiż li miegħu sar kummerċ fis-servizzi. Wara, kien hemm l-erba’ pajjiżi tal-EFTA, jiġifieri l-Isvizzera, in-Norveġja, l- Islanda, u l-Liechtenstein.
Għall-kuntrarju għas-snin preċedenti, l-UE rreġistrat defiċit mal-Istati Uniti fl-2016. L-akbar surplus ġie rreġistrat mal-pajjiżi tal-EFTA.
Skont l-istħarriġ, l-oqsma prinċipali tal-kummerċ internazzjonali tal-UE fl-2016 kienu l-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp, tan-negozju, u tas-servizzi professjonali u tekniċi.
Fl-2016, is-servizzi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni kienu l-akbar kontributuri lejn is-surplus tal-UE b’ €68.9 biljun. Min-naħa l-oħra kien hemm defiċit sinifikanti fil-kontijiet għall-użu tal-propjetà intellettwali.