“Is-surplus tal-Gvern jitla’ għal €128m” – NSO

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li bejn Lulju u Settembru tal-2018, id-dħul tal-Gvern żdied b’€75 miljun meta mqabbel mal-istess perijodu tas-sena ta’ qabel. L-NSO spjega li t-taxxi kienu l-akbar fattur li wasslu għal din iż-żieda, u biex il-Gvern ikollu surplus ta’ kważi €128 miljun.

Fl-istess tliet xhur, iċ-ċifri tal-NSO jindikaw nefqa akbar mill-Gvern fost l-oħrajn fi trasferimenti kapitali, ħlasijiet ta’ sussidji, kumpens tal-impjegati u benefiċċji soċjali. Joħroġ li l-Gvern is-sena l-oħra nefaq €103 miljun aktar mill-ispiża tas-sena ta’ qabel.

L-istatistika turi li sal-aħħar ta’ Settembru tas-sena l-oħra, id-dejn tal-Gvern kien ilaħħaq mal-€5,512 miljun, li tfisser tnaqqis ta’ €326 miljun fuq is-sena ta’ qabel. L-NSO qal li l-garanziji tal-Gvern ukoll naqsu b’madwar €338 miljun.

Il-Gvern fi stqarrija iddeskriva dawn ir-riżultati bħala storiċi għax fi kliemu dan huwa l-aqwa riżultat finanzjarju qatt reġistrat għal tliet xhur.