Aġġornata: “Is-surplus huwa riżultat ta’ inqas proġetti” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li s-surplus kellu jsir mhux billi jitnaqqsu l-proġetti imma billi titnaqqas il-ħela, l-aktar fil-position of trusts.
Waqt attività politika f’Ħad-Dingli, Dr Busuttil qal li s-surplus sar għax il-Gvern qata’ bin-nofs in-nefqa tal-pajjiż fil-proġetti.
Saħaq li mhux sew li l-pajjiż ma jinvestix fi proġetti kapitali bħal toroq, bankini, pjazez, ġonna u spazji pubbliċi, proġetti ta’ restawr u oħrajn. Żied jgħid li f’erba’ snin il-Gvern Laburista għadu ma bediex u spiċċa proġett wieħed li għandu x’jaqsam mat-trasport.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-surplus ġie wkoll minn fuq dahar dawk li qed ibatu. Saħaq li hawn 3,500 persuna “jibku għall-housing,” filwaqt li diversi persuni qed jgħixu barra jew fil-karozzi.
Simon Busuttil sostna wkoll li nofs il-popolazzjoni ma jarawx €11,000 fis-sena. Wiegħed li Gvern Nazzjonalista jagħti pagi ġusti u pagi indaqs.
“Il-Gvern suppost soċjalista wara aktar minn erba’ snin, għadu lanqas biss bena appartament ta’ housing soċjali wieħed,” kompla jgħid Busuttil. “Il-Gvern ta’ Joseph Muscat wiegħed kemm qabel l-elezzjoni u kemm wara li se jibni djar għall-anzjani, għall-persuni b’diżabilità, għall-kura tas-saħħa iżda għaddew erba’ snin u għadu ma sar xejn.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li issa qiegħed jingħad ukoll li d-dipartiment tad-dermatoloġija se jiġi pprivatizzat minn wara dahar kulħadd. Fakkar li wara li sar it-trasferiment minn Sir Paul Boffa għall-isptar tal-Onkoloġija l-ġdid, dan id-dipartiment baqa’ ma ġiex trasferit.
Dwar l-Air Malta, Simon Busuttil qal li l-Gvern falla u li issa qed jipprova jitfa’ l-ħtija tas-sitwazzjoni tal-Linja tal-Ajru fuq il-Unjins.
“Il-ħaddiema tal-Air Malta mhux tgħajjir għandhom bżonn imma min jappoġġjahom, min iserviehom,” saħaq Busuttil.
Tkellem ukoll dwar il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew u qal li l-Partit Nazzjonalista reġa’ għamel lil Maltin kburin li huma Maltin.
Huwa qal li kienet ħolma għall-Partit Nazzjonalista bħala partit fl-Oppożizzjoni u b’riżorsi limitati li jtella’ l-akbar avveniment politiku matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea.
Dr Busuttil saħaq li bil-preżenza ta’ diversi mexxejja dawn riedu jgħidu li huma wara l-Partit Nazzjonalista.
Tkellem ukoll fuq il-populiżmu u ddeskriva l-Gvern bħala “orġja” ta’ populiżmu. Irrefera għall-każ tal-ħruġ ta’ karti tal-identità doppji u qal li dan “l-iskandlu” qed jhedded id-demokrazija.
Temm billi saħaq li l-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lill-Partit Laburista jilgħab bil-proċess elettorali. 
"Dan is-surplus ma kienx pjanat mill-PN" – Partit Laburista
Fi stqarrija b'reazzjoni l-Partit Laburista qal li Simon Busuttil qed jigdeb meta jgħid li dan is-surplus kien pjanat anke mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
"L-unika ħaġa komuni bejn Simon Busuttil u l-Air Malta hi l-invoices foloz ta’ Sky Gourmet" – Edward Zammit Lewis
Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, qal li ma jistax jemmen dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar il-linja nazzjonali tal-ajru.
Sostna li Busuttil kien l-awtur tal-aħħar manifest elettorali, manifest li lanqas kien fih riferenza waħda għall-Air Malta.
Kompla billi qal li kien il-PN li tefa’ lil-linja nazzjonali f’koma, u issa qed jgħid li jrid jagħtiha ħajja ġdida.
Temm l-istqarrija tiegħu billi qal li kien dal-gvern li bid-deċiżjonijiet li ħa saħħaħ lill-Air Malta, u li għalhekk Busuttil ma jistax jittieħed bis-serjetà.
Sfida wkoll lil Busuttil sabiex jippubblika l-invoices ta’ Sky Gourmet.