Is-Sur Pawl: kuraġġuż, ġeneruż

Il-Prokuratur Legali Paul Saliba li dam 31 sena Editur tal-gazzetta

Ħafna kienu jafuh bħala s-Sur Pawl. Qed ngħid għal Paul Saliba PL, editur tal-gazzetta Kattolika Leħen is-Sewwa għal kważi 31 sena. Li tkun editur biċċa xogħol iebsa. Li tkun editur għal 31 sena ta’ gazzetta bi storja kbira u tkun qed tagħmel dan b’mod volontarju hija biċċa xogħol li toqrob lejn l-eroiżmu.

Is-Sur Pawl daħal għal din il-biċċa xogħol għax kien bniedem kuraġġuż u ġeneruż.

Il-gazzetta Leħen is-Sewwa hija gazzetta bi storja kbira li bdiet toħroġ fl-1 ta’ Settembru, 1928. Il-gazzetta kellha l-problemi finanzjarji u ħames snin wara li nbdiet ingħatat f’idejn l-Azzjoni Kattolika. L-editur sar l-Avukat Herbert Ganado, attivist fl-Azzjoni Kattolika, kittieb b’pinna fina u, mill-aħħar tal-Ħamsinijiet, mexxej tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista.

Is-Sur Pawl mexxa din il-gazzetta fi żminijiet diffiċli ħafna għall-pajjiż u għall-Knisja. Kif ktibt, mexxieha b’kuraġġ, bla biża’ u bla favuri. Mexxieha bi prinċipji sodi daqs il-blat samm. Mexxieha minkejja l-problemi u l-pressjonijiet. Mexxieha għax kien bniedem ġeneruż li jħobb lill-Knisja u lil pajjiżu.

Qatt ma qata’ qalbu. Qatt ma waqaf. Qatt ma beża’. Qatt ma ħares lura.

Huwa għamel ġieħ lill-ġurnaliżmu Malti b’mod partikolari lill-ġurnaliżmu Kattoliku. L-eżempju tiegħu ta kuraġġ bħal dawl li jiddi f’dinja mimlija kompromessi. Il-ġenerożità tiegħu xprun f’dinja fejn ħafna jkejlu x’jaqblilhom jagħmlu, mhux x’għandu jsir.

Is-Sur Pawl miet fit-3 ta’ Frar fl-għomor ta’ 92 sena. L-aħħar tislima ngħatatlu fil-Knisja ta’ San Pawl fir-Rabat, Malta. Iżda x-xogħol tiegħu jibqa’ bħala monument għalih.

Fr Joe Borg – Chairman Bord Editorjali