Is-Sur Kelma Kelma jibda jmexxi l-Malti fl-Università

Dipartiment tal-Malti / Facebook

Id-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti fl-Università ħabbar li se jkun hemm tibdil fit-tmexxija tiegħu, peress li Prof. Bernard Micallef, wara seba’ snin ta’ tmexxija, se jieħu sena sabbatika u t-tmexxija se tgħaddi f’idejn Dr Michael Spagnol.

Dipartiment tal-Malti / Facebook

Prof. Bernard Micallef laħaq Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-2012, wara li ħa r-riedni mingħand Prof. Manwel Mifsud. Bħala Kap tad-Dipartiment, huwa introduċa diversi taqsimiet-studju ġodda, proġetti u attivitajiet innovattivi. Kien Prof. Bernard Micallef li ra li terġa’ tibda tiffunzjona l-Għaqda tal-Malti – Università, li kienet twaqqfet minn Rużar Briffa u Ġużè Bonnici fl-1931, iżda għamlet xi snin wieqfa sakemm ma Prof. Micallef reġa’ beda d-diskussjoni għall-irxuxtar tagħha. L-ewwel President tagħha meta reġgħet bdiet kien Emanuel Psaila. Bħala Kap tad-Dipartiment, Prof. Micallef kien jokkupa wkoll il-kariga ta’ membru ex officio fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Malti. B’dan it-tibdil, b’hekk, Dr Spagnol għandu jokkupa din il-kariga issa. Prof. Micallef riċentament ġie ppremjat bil-Kokka Professur, mogħtija mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU).

Dr Michael Spagnol huwa magħruf għall-paġna ta’ Facebook Kelma Kelma, li beda fl-2013, liema paġna sikwit tippubblika kurżitajiet lingwistiċi u tagħrif dwar l-ortografija u l-grammatika Maltija. Sitt snin wara, din il-paġna hi segwita minn iżjed minn 61,000 ruħ. Dr Spagnol kien jikteb il-kliem tal-kunċert Kelma Kelma Nota Nota. Apparti fid-Dipartiment tal-Malti, Dr Spagnol huwa lekċerer ukoll fl-Istitut tal-Lingwistika tal-Università ta’ Malta. Ir-riċerka tiegħu tiffoka fuq il-morfoloġija, is-semantika, il-lessikografija u d-djaletti tal-Malti.