Is-suq diġitali huwa prijorità għal Malta u l-UE

Il-Ministru għall-Affarijiet tal-Konsumatur Helena Dalli qalet li prijorità għaż-żmien li ġej kemm għal Malta kif ukoll għall-Unjoni Ewropea qed tkun dik tas-suq uniku diġitali.
Waqt il-konferenza dwar il-vantaġġi u l-isfidi li joffri x-xiri online mtella’ mill-Ministeru għall-Affarijiet tal-Konsumatur, flimkien mal-Awtorità dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur l-MCCAA, Dalli semmiet kif Malta għandha fost l-ogħla rata ta’ konsumaturi li jixtru online filwaqt li anke dawk li qed ibigħu online qiegħed jiżdied.
Iċ-Chairman tal-MCCAA Marcel Pizzuto semma’ kif il-konsumaturi u l-bejjiegħa iħossuhom aktar kunfidenti jixtru u jbigħu online jekk ikun hemm metodi effettivi ta’ kif jistgħu jissolvew il-problemi li jinqalgħu waqt dan it-tip ta’ xiri.
Pizzuto spjega kif l-Uffiċċju tal-Konsumatur qed jaħdem bi sħiħ sabiex joffri aktar servizzi online fejn il-konsumatur ikun jista’ jagħmel l-ilment tiegħu fosthom permezz tal-paġna tal-Awtorità fuq Facebook u permezz tas-sit elettroniku.
Ritratt: DOI:Francis Micallef