Ma nafux kemm hemm nies fi kwarantina f’darhom – Supretendent tas-Saħħa

Read in English.

L-awtoritajiet tas-saħħa ma jafux kemm hemm nies fi kwarantina f’darhom, skont is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-coronavirus Gauci qalet li s’issa mhemmx każijiet ta’ COVID-19 f’Malta.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet intqal li ttieħdu 22 swabs għall-COVID-19 li kollha rriżultaw fin-negattiv. L-awtoritajiet qegħdin f’kuntatt kuljum ma’ tliet persuni li qegħdin fi kwarantina. Dawn it-tliet persuni kienu fuq cruiseliner li fuqu kien hemm persuna marida bil-COVID-19. Prof. Gauci ħabbret ukoll li se jkun qed jingħata quarantine leave fis-servizz pubbliku.

Prof. Gauci qalet li malli jkun hemm każ pożittiv f’Malta, il-pubbliku se jiġi infurmat. Appellat lin-nies biex ifittxu sorsi ta’ informazzjoni li wieħed ikun jista’ jistrieħ fuqhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-isptar Mater Dei Celia Falzon qalet li l-isptar huwa preparat. Falzon kienet qed tindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ Prof. Gauci. Spjegat li għalkemm in-nies m’għandhomx imorru d-Dipartiment tal-Emerġenza jekk jaħsbu li jkollhom il-COVID-19, dan id-dipartiment huwa ppreparat għal li jista’ jkun. Spjegat li hemm infermiera li qed jiżolaw lil dawk in-nies li jmorru l-Emerġenza li jkollhom is-sintomi tal-COVID-19.

Prof. Gauci qalet li fi 98% tal-każijiet, il-pazjenti jfiqu mill-COVID-19.

X’sirna nafu mill-konferenza tal-aħbarijiet?

  • Hemm shift ta’ tobba tas-saħħa pubblika biex jipproċessaw l-iswabs
  • Żdiedu r-riżorsi tal-helpline. Hemm tobba trenjati buex iwieġbu l-mistoqsijiet tal-pubbliku
  • Hemm post li għandu 12-il sodda biex iżomm nies barra minn Mater Dei għal każijiet li ma jkollhomx bżonn kura sekondarja. L-awtoritajiet qalu li mhux se jiżvelaw fejn qiegħed dan il-post għalissa
  • Persuna marida bil-COVID-19 tiġi trattata fl-Infectious Diseases Unit. Il-professjonisti ta’ dan id-dipartiment huma mħarġa għal każijiet bħal dawn
  • L-ITU qed jitħejja għal każijiet tal-COVID-19 ukoll
  • L-isptar għandu maskri u lbies protettiv ieħor
  • Kien hemm żieda ta’ timijiet on call
  • Screening fuq il-passiġġieri tal-catamaran qed isir b’apparat handheld
  • Il-cruise liners li jidħlu Malta jridu jiddikjaraw li mhemm ħadd fuqhom li għandu sintomi ta’ mard infettiv

Newsbook.com.mt staqsa lil Prof. Gauci jekk l-MUT għamlitx sew illum meta ordnat biex l-għalliema fl-MCAST ma jkomplux jaħdmu f’istituzzjonijiet li ma jkollhomx ilma. Gauci qalet li l-ħasil tal-idejn huwa importanti ħafna biex wieħed jevita milli jimrad bil-COVID-19.

Konferenza stampa simili saret jumejn ilu, li fiha s-Supretendent qalet li m’hawn l-ebda każ ikkonfermat tal-coronavirus f’Malta. Hija spjegat il-prekawzjonijiet li qegħdin jittieħdu fil-konfront ta’ dan il-virus.

Intant, għada msieħba ewlenin fil-qasam turistiku se jiltaqgħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni b’rabta mal-coronavirus, skont il-Ministeru għat-Turiżmu. Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Turiżmu qal li minn għada se jibda jiltaqa’ l-kumitat magħmul mill-imsieħba ewlenin fl-industrija tat-turiżmu minħabba l-COVID-19.

Filmat: Miguela Xuereb
Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza