Is-summit bejn l-Iran, it-Turkija u r-Russja hu pass lejn il-paċi

It-tielet Summit dwar is-Sirja bejn Rouhani, Putin u Erdogan se jsir fis-7 ta’ Settembru

L-opinjoni pubblika fis-Sirjad tilqa’ l-isofrzi minn parti mid-diplomazija internazzjonali biex ikun hemm soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt, tonqos it-tensjoni u ma jkunx hemm aktar vjolenza.

Dan kien il-kumment ta’ Mons. Georgew Abou Khazen, Vigarju Apostoliku għal Aleppo għamel dwar is-Summit li se jsir aktar tard din il-ġimgħa – it-tielet wieħed f’anqas minn sena – bejn il-Presidenti tar-Russja, l-Iran u t-Turkija f’Tabriz fit-tramuntana tal-Iran.

Ix-xewqa tagħna, enfasizza l-Vigarju hi li dawn it-tentativi ‘mhux biss iservu biex iwarrbu t-theddid imma jwasslu għal ftehim ta’ paċi.  Dak li hu żgur hu li fis-Sirja, is-sentiment ġenerali hu li l-waqfien mill-ġlied jista’ jintlaħaq bl-isforzi diplomatiċi u militari tal-forżi reġjonali u r-Russja u mhux mill-Istati Uniti, l-Ingilterra u Franza li donnhom qed ikomplu jimbuttaw proġetti ta’ destabiliżazzjoni.

Għal numru ta’ snin, ir-Russja, t-Turkija u l-Iran huma fost l-aktar attivi fit-tfittxija għas-soluzzjoni tal-kunflitt li issa daħal fit-tmien sena u li diġà sewa l-ħajja ta’ nofs miljun persuna u wassal għall-agħar katastrofi umana minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Esperti jaqblu li llum dawn it-tliet pajjiżi huma l-veru atturi fil-kunflitt Sirjan: Moska tikkontrolla sostanzjalment l-ispazju tal-ajru fis-Sirja, filwaqt li l-Iran għandu preżenza qawwija fuq l-art. Fl-istess waqt it-Turkija żied l-influwenza tiegħu billi ħa f’idejh territorji matul il-fruntiera.

Il-qofol tad-diskussjonijiet hi s-sitwazzjoni f’Idlib fit-tramuntana tas-Sirja li għadha fortizza tal-Jihadisti fejn il-President Assad qed jipprepara li jiftaħ kampanja militari biex jirbaħ il-kontroll ta’ din il-provinċja.  Hemm biża’ li l-assedju tal-belt jista’ jwassal għal katastrofi umanitarja oħra.

“F’Idlib hemm klima ta’ biża’” stqarr il-Vigarju ta’ Aleppo “u ma nafux kif se tispiċċa. Fil-post m’hemmx biss ġellieda Sirjani imma wkoll gruppi barranin u dawk li ma jridux li jkun hemm ftehim ta’ paċi.”

“Min-naħa l-oħra aħna qed nitolbu għall-paċi u nagħmlu ħilitna biex nassiguraw li s-sitwazzjoni tkun regolarizzata. Il-Gvern għandu fiduċja f’dawn it-taħditiet bejn ir-Russja, l-Iran u t-Turkija u jekk dawn jaqblu hu ttamat li dan il-ftehim ikun tradott fil-prattika. Nittamaw li ħadd ma jindaħal u jħassar kollox.”