Is-suldati Maltin isalvaw 9 persuni mill-baħar Grieg

L-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta lbieraħ kienet involuta f’ħidma ta’ salvataġġ ftit ’il barra mill-gżira Griega ta’ Lesvos.
Is-suldati Maltin ġew mgħarrfa li hemm opra tal-baħar żgħira f’diffikultà.
L-ekwipaġġ tal-P02 marru mill-ewwel fuq il-post indikat u salvaw 9 persuni mill-qawwa tal-baħar u l-kundizzjoni tat-temp.
8 irġiel u mara qed jingaħtaw il-kura mill-awtoritajiet griegi.
Membri tal-armata ilhom minn Awwissu li jgħassu l-baħar madwar il-gżira ta’ Lesvos bħala parti mill-ħidma konġunta tal-Frontex.
Tul dawn ix-xhur l-armata Maltija għenet bosta persuni li kellhom diffikultà waqt li kienu fil-fruntiera marittima bejn il-Greċja u t-Turkija.