Is-suldati jsostnu li għandhom il-kontroll taċ-ċentru kummerċjali f’Nairobi

Il-forzi tas-sigurta’ fil-Kenja qed isostnu li jinsabu fit-tmiem tal-assedju li sar fuq iċ-ċentru kummerċjali Westgate f’Nairobi.

Dan wara l-attakk li beda s-Sibt li għadda.

Kien il-moviment Iżlamiku Somalu, Al-Shabab l-awtur ta’ dan l-attakk terroristiku fejn inżammu wkoll numru ta’ persuni bħala ostaġġi.

Al-Shabab, li ammettew ir-responsabilita’ tal-attakk, sostnew li wettquh bħala ritaljazzjoni għall-operazzjonijiet imwettqa mis-suldati Kenjani fis-Somalja.

Minn tal-inqas 62 persuna tilfu ħajjithom f’dan l-assedju li ilu għaddej erbat ijiem, 175 persuna ndarbu filwaqt li aktar minn elf kellhom bżonn il-kura medika.

Il-Ministru Kenjan għall-Intern sostna li s-sulari kollha taċ-ċentru kummerċjali jinsabu taħt il-kontroll tas-suldati filwaqt li l-ostaġġi li kienu għadhom qed jinżammu mit-terroristi nħelsu.

Qal li mhux mistenni li s-suldati jsibu aktar ostaġġi.