Is-suldat li tkeċċa bi protest biex jieħu xogħlu lura

L-eks-bombardier li tkeċċa minn xogħlu wara li nxtered filmat tiegħu fuq il-midja soċjali ssottometta protest ġudizzjarju kontra l-armata fejn qed jitlob li jingħata xogħlu lura.

Godwin Schembri kien tkeċċa minħabba li fil-filmat deher jesprimi l-frustrament tiegħu dwar xatba tal-ħadid bl-użu ta’ lingwaġġ goff. Fil-protest ġudizzjarju ġie spjegat li d-deċiżjoni tal-Komandant tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) kienet diskriminatorja u mhux raġjonevoli.

Is-suldat insista li l-filmat ma kellux jittella fuq il-midja soċjali mingħajr ma jaf hu jew intalab il-kunsens tiegħu. Hu kien ġie mċanfar mis-superjuri tiegħu u saħansitra ħadem 12-il shift żejda bħala “kastig” għal dak li kien għamel. Sostna li minkejja li ġie mwiegħed li mhux se jitkeċċa minn xogħlu, xorta spiċċa tilfu minkejja li kien diġà bata l-konsegwenzi ta’ għemilu.

“Tilef xogħlu fuq filmat ta’ minuta; injoraw il-kapaċitajiet tiegħu”

Hu qed jinsisti li din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiegħu tmur kontra l-liġi tal-armata, kif ukoll sostna li kien hemm ksur fundamentali tad-dritt li ma jiġix interrogat darbtejn. Hu ġie mkeċċi mill-Brigadier Jeffrey Curmi u l-protest ġudizzjarju qed jappella sabiex l-istess Brigadier jieħu lura t-terminazzjoni tax-xogħol ta’ Schembri jew inkella se jfittxu għad-dannu.