Is-suldat li m’għamilx it-test tkeċċa; l-ebda droga illegali ma ġiet ikkunsmata – AFM

Il-Forzi Armati ta’ Malta fi stqarrija qalet li wara l-investigazzjonijiet interni li saru u li issa huma konklużi l-ebda droga illegali ma ġiet użata fuq il-post tax-xogħol f’dak li kien imsejjaħ il-festin tad-droga fil-Lyster Barracks f’Ħal Far.  

L-Armata żiedet li kull suldat li kien allegatament involut f’dan il-festin irriżulta negattiv għat-test tal-urina ħlief persuna waħda li rrifjutat li tagħmel it-test u għalhekk tkeċċiet.  

L-Armata qalet li mill-investigazzjoni interna rriżulta li kien hemm ċerta sitwazzjonijiet li seħħew dakinhar u li se jkunu qegħdin jittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom.  

L-Armata saħqet li m’hemmx tolleranza għall-użu ta’ drogi illiċiti. 

L-agħar Brigadier fl-istorja tal-Armata – Godwin Schembri 

Godwin Schembri, l-eks suldat li żvela burdell bil-kokaina fil-barracks tal-Forzi Armati, għamel għadd ta’ mistoqsijiet lill-Brigadier Jeffrey Curmi dwar dak kollu li seħħ matul iż-żmien li ilu f’din il-kariga. Huwa saħaq li l-Brigadier Curmi huwa l-agħar Brigadier fl-istorja tal-Armata u biex toħroġ minn dan l-inkubu l-Armata għandha bżonn wiċċ ġdid.   

F’kitba twila fuq Facebook, Schembri staqsa dwar suldat li ħebb għall-pulizija u flok ittieħdet azzjoni fil-konfront tiegħu spiċċa għassa ma’ diversi ambaxxati u jkun fil-pussess  ta’ armi li jkunu kkargati.  

Schembri staqsa wkoll x’kien jiġri li kieku s-Suldat li ried joħroġ mill-barracks sab suldat korrott minflok wieħed tal-affari tiegħu u jekk l-istess suldat minn Frar ‘l hawn sabx xi suldat korrott u ħallieh joħroġ.  

Mistoqsija oħra hi kif suldat li kien akkużat bi qtil ta’ annimali domestiċi u diskors ta’ mibegħda tħalla jidħol fl-AFM u kif issa l-istess persuna qiegħed jiġi akkużat flimkien ma’ suldat ieħor bil-qtil ta’ Lassana.  

F’kitba oħra lbieraħ Schembri allega li x-shift leader li kien waqt ix-shift meta allegatament kien hemm dan il-party ipprova jikkuntattjah. Staqsa għala x-shift leader ħass il-bżonn li jkellmu wara dak li kien għadu kemm żvela. Huwa qal li ħa l-parir ta’ waħda mill-avukati tiegħu u din issuġġerietlu li għamel rapport madankollu huwa ma għamilx dan mill-ewwel. Wara li kellu kuntatt ma’ xi suldati li għadhom jaħdmu mal-Armata huwa sar jaf li ‘arja tagħhom qiegħda tisħon kontrija’ u għalhekk ħass il-bżonn li jagħmel ir-rapport.