Is-suġġett tal-etika l-iktar popolari f’Tas-Sliema u f’San Pawl il-Baħar

Is-suġġett tal-etika huwa l-iktar popolari fl-iskejjel primarji ta’ San Pawl il-Baħar u Tas-Sliema, u fil-kulleġġ sekondarju ta’ Santa Klara.
Fil-Kamra tad-Deputati, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li t-talba għal dan is-suġġett tal-etika sa mill-introduzzjoni tiegħu, kompliet tiżdied u din hija indikazzjoni ta’ kemm qed jintlaqa’ tajjeb fil-komunitajiet tal-iskejjel.
Għall-mistoqsija tad-deputat Laburista Silvio Grixti, il-Ministru Bartolo semma kif hemm 245 student f’San Pawl il-Baħar u 257 student f’Tas-Sliema li għażlu dan is-suġġett.
Qal ukoll li fil-Kulleġġ ta’ Santa Klara hemm 191 student li ħadu s-suġġett tal-etika.
Il-Ministru Bartolo spjega li wara ż-żidiet fit-talba għal dan is-suġġett, fis-sena skolastika li bdiet dan ix-xahar, l-etika se tiġi introdotta wkoll f’erba’skejjel primarji oħra, fi skola medja, kif ukoll fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport.