
L-awtoritajiet fis-Sudan arrestaw mill-inqas disa’ mexxejja tal-oppożizzjoni u attivisti, skont kumitat ta’ gruppi tas-soċjetà ċivili. Huwa mistenni li jkun hemm aktar protesti kontra l-Gvern wara t-talb tal-Musulmani li jsir kull nhar ta’ Ġimgħa.
Il-kap tal-uffiċċju tal-midja tas-Servizz Nazzjonali għall-Intelliġenza u s-Sigurtà qal li ma kienx jaf b’dawn l-arresti.
Is-Sudan ilu ġimgħa jaffaċċja protesti ta’ kontra l-Gvern li skattaw minħabba żieda fil-prezzijiet, nuqqas ta’ affarijiet bażiċi, u kriżi tal-flus. Skont ċifri uffiċċjali, mietu mill-inqas 19-il persuna waqt il-protesti.
Fi stqarrija, kumitat tal-organizzazzjonijiet tal-professjonisti li qed jieħu sehem fil-protesti qal li l-awtoritajiet wettqu rejd waqt laqgħa bejn il-mexxejja tal-oppożizzjoni f’Khartoum.