”Is-suċċess tat-tfal marbut mal-istatus tal-ġenituri“ – Prof. Borg

Li wieħed jimxi ‘l quddiem fl-edukazzjoni mhix biss marbuta ma’ kemm persuna huwa bravu jew iżda wkoll mal-istatus tal-ġenituri u jekk il-ġenituri jimbuttawhomx għall-edukazzjoni.

Dan qalu l-Professur Carmel Borg waqt il-programm Newsbook Hour immexxi minn Fr Joe Borg, fuq 103 Malta’s Heart. Huwa spjega li f’Malta għad hemm rabta qawwija bejn il-qagħda ekonomika tal-ġenituri u l-edukazzjoni ta’ wliedhom.

Żied li meta janalizzaw l-istudji li jsiru fuq studenti li jkunu waslu fl-aħħar sena skolastika tas-sekondarja jsibu li hemm qabża ta’ bejn wieħed u ieħor 40%, meta tqabbel il-klassi soċjali li minnha jkunu ġejjin l-istudenti. Il-probabilità li l-istudenti mill-klassi tal-ħaddiema jkomplu l-istudji tagħhom hija ferm anqas minn dawk li ġejjin minn status għoli fis-soċjetà.   

Eżaminaw ukoll x’inhi l-possibilità li student li l-istatus tal-familja tiegħu huwa medju jmur l-università meta mqabbel mal-istudent li l-istatus ta’ familtu huwa għoli. Prof. Borg qal li l-qabża hija kbira ħafna. Dan minkejja li l-edukazzjoni hija b’xejn għal kulħadd u aċċessibbli għal kulħadd. Dan huwa ppruvat ukoll meta wieħed jeżamina dawk l-istudenti li jiddeċiedu li jieqfu mill-iskola ta’ 16-il sena, b’ħafna mill-familji tagħhom ikunu mill-klassi tal-ħaddiema.

Borg spjega li dan iwassal għal żewġ konklużjonijiet: 1) l-istatus tal-familja u 2) li fl-edukazzjoni tagħhom it-tfal ma ngħatawx l-attenzjoni meħtieġa biex jiżviluppaw it-tagħlim tagħhom.

Kif qed iħossuhom l-edukaturi?

Prof. Carmel Borg qal li għalkemm iż-żieda fis-salarji tal-għalliema hija importanti, l-għalliema jfittxu li jkunu rispettati, li jkun hemm stima u mħabba. Huwa spjega li f’riċerka li qed tagħmel waħda mill-istudenti tiegħu mal-learning support educators (LSEs) qed turi li dawn qed iħossu li għandhom nuqqas ta’ poter, ma jħossuhomx stmati, emarġinalizzati u li hemm ġerarkija.