Is-suċċess ta’ pajjiżna qed jaħdem kontrina – il-PM

DOI - Jeremy Wonnacott

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Ewropa qed tuża kriterji li s-suċċess ta’ Malta jaħdem kontra l-pajjiż.

Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-PM qal li Abela qal dan f’kummenti lill-ġurnalisti wara li qed jieħu sehem f’Summit Speċjali Ewropew li beda jitlaqqa’ lbieraħ fi Brussell fejn saru diskussjonijiet dwar il-Budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin u l-Fond tal-Irkupru u r-Reżiljenza għal wara l-COVID-19.

Abela saħaq li l-gvern Malti se jibqa’ jaħdem u jippersevera biex il-pajjiż jikseb ftehim li verament ikun jixraqlu.

“Irridu naraw li nġibu ftehim li huwa sodisfaċenti għal pajjiżna, minkejja li l-kriterji li jintużaw kemm għall-Budget Ewropew u kif ukoll għall-Fond tal-Irkupru, qed jużaw kriterji li s-suċċess ta’ pajjiżna jaħdem kontrina,” qal il-Prim Ministru.

Madankollu, sostna li l-gvern Malti se jibqa’ jinsisti li jkun hemm ftehim li huwa b’saħħtu għal Malta u li jisboq dak li kellu u ġie nnegozjat għas-seba’ snin li għaddew.

“Mhux faċli għax in-numri din id-darba huma kontrina, iżda se nibqgħu naħdmu u nipperseveraw biex inġibu riżultat li verament jixraq lil pajjiżna,” saħaq il-Prim Minsitru.

Abela qal li d-diskussjoni tul il-jum tal-Ġimgħa bdiet relattivament tajjeb, fejn kien qiegħed jiġi rreġistrat progress bil-mod. Madankollu, qal li d-diskussjoni kellha tieqaf tard filgħaxija wara li matul il-jum id-diskussjoni ddeġenerat.

Dwar id-diskussjonijiet li saru tul il-jum tas-Sibt, qal li kien hemm problemi li ma setgħux jiġu maqbużin. Irrimarka li l-problema strutturali ma kinitx il-Budget tal-Unjoni Ewropea, iżda dwar il-Fond ta’ Irkupru mill-COVID-19.