Is-St John Rescue Corps lest jgħin fit-tifi tan-nar u d-dekontaminazzjoni

St John Malta Rescue Corps tgħid li lesta tgħin fil-ġlieda kontra l-COVID-19

St John Rescue Corps

Is-St John Rescue Corps lest jgħin lill-awtoritajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni li ħoloq il-coronavirus. Il-membri tal-korp jistgħu jgħinu fit-tifi tan-nar u fi proċessi ta’ dekontaminazzjoni fost affarijiet oħra.

Newsbook.com.mt tkellem mas-St John Rescue Corps u s-St John Ambulance li qed jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isforz nazzjonali fil-ġlieda kontra l-coronavirus.

Iċ-Chairperson tas-St John Association Malta Dr Michael Frendo esprima l-impenn tal-Assoċjazzjoni biex tgħin fl-isforz nazzjonali.

“St John Malta hija totalment kommessa li tgħin lill-awtoritajiet f’din il-ġlieda kontra l-COVID-19 konformi mal-kapaċità u l-għarfien espert tagħhna,” qal Frendo lil Newsbook.com.mt.

Il-korp qal li qed jaħdem primarjament f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD). Il-korp ra li l-assi tiegħu jkunu disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali. Il-voluntiera tas-St John Rescue Corps lesti jgħinu wkoll. Dawn ingħataw taħriġ speċjalizzat mis-CPD fuq l-użu tal-ilbies protettiv u l-proċeduri ta’ dekontaminazzjoni.

Il-Kumissarju tas-St John Rescue Corps Andrew Grech qal lil Newsbook.com.mt li qed isiru preparamenti oħra wkoll. Dawn jinkludu l-akkwist ta’ ċertu lbies protettiv (personal protective equipment). Tħejja wkoll post ta’ akkomodazzjoni għall-voluntiera tagħhom fil-bażi tal-korp fil-Forti Madliena f’każ li l-kriżi teskala.

X’tip ta’ affarijiet jaf jintalbu jagħmlu?

Newsbook.com.mt staqsa lis-St John Malta x’tip ta’ għajnuna jaf jintalbu jagħtu jekk is-sitwazzjoni teskala. Kelliem għas-St John qal li hemm diversi servizzi li jistgħu joffru f’każ ta’ bżonn. Dawn jinkludu għajnuna mal-fire stations bħala appoġġ għall-ħidma tas-CPD.

Il-kelliem spjega li jistgħu jgħinu fil-proċessi ta’ dekontaminazzjoni u mas-servizzi ta’ trasport. Tista’ tingħata wkoll għajnuna lin-nies vulnerabbli u lill-anzjani. Il-voluntiera tal-assoċjazzjoni jistgħu wkoll jgħinu fit-twaqqif ta’ field clinics.

Is-St John Rescue Corps qed jgħin ukoll lill-NGO Foodbank Lifeline Foundation. Dan biex jiġi assigurat li għadd ta’ familji jkollhom x’jieklu f’dan iż-żmien iebes.

Il-korp se jiftaħ Drive-By Station għal dawk li jixtiequ joffru ikel non-perishable lill-Foodbank Lifeline Foundation. Din tinsab fil-parkeġġ tal-kwartieri tal-korp. Il-kwartieri jinsabu f’Fort Madalena, Triq il-Madliena fil-Madliena. L-istazzjon jiftaħ mis-6pm sat-8pm fost il-ġimgħa. Nhar ta’ Sibt jiftaħ bejn l-10am u l-5pm.

Kelliem għas-St John Rescue Corps qal li waħda mill-voluntiera tagħhom ġabret 2,000 oġġett tal-ikel minn 200 persuna. Il-voluntiera hija Camilla Appelgren. Appelgren kienet ikkontestat l-elezzjonijiet tal-MEPs f’Mejju li għadda mal-Partit Demokratiku. Hija wkoll attivista favur l-ambjent.

St John Rescue Corps

Min jixtieq jagħti donazzjoni lis-St John Rescue Corps jista’ jidħol hawn.

F’Malta ġew reġistrati 52 każi ġodda ta’ coronavirus. Dan ifisser li t-total tela’ għal 293.