“Is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali għandu jiġi investigat” – PD

Il-Partit Demokratiku talab li s-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali Anthony Pace jiġi investigat minħabba li fi kliemu qagħad kwiet quddiem l-abbuż u l-attakk li kien hemm fuq l-identità ta’ Malta tul is-snin li għaddew.
Fi stqarrija, il-PD qal li taħt it-tmexxija tiegħu, l-uffiċċju ta’ Anthony Pace ħalla lill-Awtorità tal-Ippjanar tapprova numru ta’ applikazzjonijiet li qerdu l-identità ta’ Malta u l-wirt storiku tagħha.
Huwa elenka għadd ta’ eżempji fosthom l-iżvilupp f’Ta Kerċem li kien ta’ theddida għall-katakombi Rumani f’Għawdex.
Il-PD żied jgħid li s-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali abbanduna diversi każi oħra fosthom id-djar vernakulari fiż-Żebbuġ, il-kunventi f’Tas-Sliema, u l-forn Blackley fil-Pietà.
Tenna li lanqas ħa pożizzjoni kontra l-iżvilupp li jista’ jseħħ fil-Mosta f’sit arkeoloġiku tal-Wesgħa tal-Ġganti.