Is-Sorijiet tal-Karità jiċċelebraw 50 sena servizz fid-Dar tal-Providenza

Is-Sorijiet tal-Karità ċċelebraw 50 sena minn meta bdew il-ħidma tagħhom mar-residenti tad-Dar tal-Providenza.
Dan l-anniversarju kien iċċelebrat b’quddiesa mmexxija mill-Vigarju Ġenerali Monsinjur Joe Galea Curmi li rrefera għall-kelmiet tal-Papa Franġisku meta qal li: “Jekk jirnexxili ngħin imqar persuna waħda tgħix aħjar, dan hu diġà biżżejjed biex jiġġustifika d-don ta’ ħajti.” 
Huwa rringrazzja lit-42 soru li taw is-servizz tagħhom tul dawn il-ħamsin sena u qal li “kull soru hi ġrajja għaliha, ġrajja ta’ ġenerożità, u ta’ dan nuru gratitudni kbira.”  
Għal din l-okkażjoni kienet preżenti Sor Mary Stephanos, il-Provinċjal tas-Sorijiet tal-Karità għal Malta u l-Italja  u ġiet  tirrappreżenta s-Superjura Ġenerali Sor Nunzia De Gori.  
Min-naħa tiegħu, Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza qal li ż-żgur li r-residenti tad-Dar tal-Providenza jistgħu jagħmlu tagħhom il-kliem ta’ San Luqa fl-Atti tal-Appostli meta qal li l-Maltin “ġiebu ruhom magħna bi ħlewwa li ma bħala,” u japplikawh għas-sorijiet.
F’isem ir-residenti huwa rringrazzja lis-sorijiet għad-dedikazzjoni tagħhom b’għotja sħiħa u disinteressata biex il-persuni b’diżabilità li jgħixu fid-Dar isibu ambjent li jirrispetta d-dinjità u d-dirittijiet tagħhom.   
Is-Sorijiet tal-Karità jew aħjar is-sorijiet ta’ Santa Giovanna Antida Thouret ġew f’Malta fl-1868, u minnufih il-Gvern fdalhom f’idejhom l-orfanatrofji tiegħu, li dak iż-żmien kienu l-Belt Valletta.
Biż-żmien il-Gvern fdalhom tliet skejjel żgħar, tal-Baħrija, tal-Imtaħleb u ta’ Birżebbuġa.  Is-sorijiet bdew jieħdu ħsieb ukoll il-Konservatorju Vincenzo Bugeja f’Santa Venera u l-Konservatorju tal-Isqof fir-Rabat Għawdex.  Fetħu wkoll skejjel f’Ħal Tarxien, f’San Ġiljan u fil-Gudja.  L-akbar ħidma tagħhom kienet fl-isptarijiet fejn fetħu skola għall-infermiera.   
Fl-1965 meta Dun Mikiel Azzopardi beda l-ħidma biex jibni fis-Siġġiewi l-ewwel dar f’Malta għall-persuni b’diżabilità ħass li ma setax imexxi din id-Dar mingħajr l-esperjenza ta’ xi kongregazzjoni reliġjuża. Kien hawn li daħlu s-Sorijiet tal-Karità. 
Fl-2003 s-sorijiet tewmin Sor Madalena Fava u Sor Fortunata Fava li servew lid-Dar bejn l-1982 sal-1994 ingħataw il Premju Dun Mikiel Azzopardi bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħhom f’din id-Dar. 
Dan il-premju beda jingħata kull sena mill-1995 bħala rikonoxximent pubbliku lil dawk il-persuni li jkunu taw kontribut fil-qasam tal-persuni b’diżabilità jew fid-Dar tal-Providenza.
Fl-1 ta’ Diċembru 2017 waqt Kunċert annwali mtella’ mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann b’risq id-Dar tal-Providenza, dan il-Premju ngħata wkoll lill-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Santa Giovanna Antida Thouret bħal rikonoxximent  għall-50 sena ta’ ħidma fid-Dar tal-Providenza. 
Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna fl-Omelija tiegħu fid-Dar tal-Providenza nhar l-1 ta’ Jannar qal li  “50 sena ilu, is-Sorijiet tal-Karità bdew din l-avventura ta’ mħabba propju biex jgħixu l-kariżma tagħhom li jkunu s-sorijiet tal-karità, is-sorijiet li jwasslu l-imħabba ta’ Ġesù, l-imħabba ta’ Alla f’tant ambjenti differenti, kif għadhom jagħmlu sal-lum.”