Is-Sorijiet Karmelitani fis-Sirja qed jgħixu f’”sitwazzjoni erojka”

Familja Sirjana li ħarbet mill-vjolenza f’Aleppo tidher f’għalqa f’Mabij

Minkejja t-tifrik fis-Sirja minħabba l-gwerra, Komunità ta’ Sorijiet Karmelitani Sklazi f’Aleppo baqgħet għaddejja bil-missjoni tagħha ta’ talb kontinwu u għajnuna lil dawk fil-bżonn.

Is-Sorijiet Karmelitani li erbgħa minnhom huma Sirjani u tnejn Franċiżi, fis-silenzju tagħhom huma “messaġġ ta’ paċi u messaġġ spiritwali ta’ tama,” qal Fr Raymond Abdo, il-Provinċjal tal-Patrijiet Karmelitani Skalzi fil-Libanu, li aktar kmieni dan ix-xahar għamel żjara lil dawn is-sorijiet.

Il-Kunvent tas-sorijiet li jinsab fil-periferija ta’ Aleppo, f’żona fejn ikun hemm ħafna ġlied, ġurnata minnhom spiċċa b’missila li waqgħet fil-bitħa tal-kunvent. Fis-seba’ snin li ilha għaddejja l-gwerra ċivili fil-pajjiż, il-kunvent kemm-il darba spiċċa bla ikel, bla ilma, bla dawl, bit-twieqi mkissra u bil-ħitan imwaqqgħa.

Kien hemm żmien meta s-sorijiet kienu qed iżommu magħhom erba’ familji Musulmani li kienu jgħixu f’bini li jmiss mal-kunvent. Is-sorijiet qasmu mal-membri ta’ dawn il-familji l-ikel u l-ħxejjex li jkabbru fil-ġonna tagħhom. Issa tlieta minn dawn il-familji irritornaw lejn djarhom iżda l-kunvent għadu qed jilqa’ u jgħin familja b’għaxart itfal.

Minkejja dan, is-sorijiet għadhom jgħixu ħajja kontemplattiva, ir-rutina ta’ kuljum li tibda b’talb u quddiesa, jaħdmu fis-silenzju u aktar perjodi ta’ talb matul il-jum u qabel jidħol il-lejl.

Patri Abdo qal li dawn is-sitt sorijiet “qed jagħtu eżempju mill-isbaħ tal-Kristjaneżmu għax ma jiddistingwux bejn Insara u Musulmani u qed jgħixu b’mod erojku.”