Is-Soċjetà Mużikali San Girgor b’fondi għar-restawr

DOI / Clifton Fenech

Is-Soċjetà Mużikali San Girgor Sliema ngħatat €10,000 mill-fond ta’ kontiġenza b’liema flus is-Soċjetà għamlet xogħol ta’ manutenzjoni fost xogħol ieħor fuq il-bini tagħha.

Fi stqarrija s-Segretarjat Parlamentari għall-għaqdiet volontarji qal li s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima ppreżenta l-grant agreement lis-Soċjetà. Ġie spjegat li bil-fondi ġie installat il-glass cladding madwar il-lift u b’hekk żdiedet l-aċċessibilità għal persuni b’diżabbilità. Sar ukoll xogħol ta’ manutenzjoni tas-saqaf.

Is-Soċjetà Mużikali San Girgor spjegat sar ukoll xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-binja tagħha.

Il-fond ta’ kontiġenza li minnu huwa responsabbli s-Segretarjat Parlamentari jintuża biss f’każijiet ta’ emerġenza u sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jistgħu jew iwaqqfu l-operat tal-għaqda volontarja jew fejn il-voluntiera jew il-benefiċjarji jkunu f’riskju. F’sitwazzjonijiet bħal dawn is-Segretarjat jista’ jikkunsidra jew li jappoġġja b’sħiħ jew inkella b’mod parzjali.

Fl-istqarrija Grima irringrazzja lill-persuni li jaħdmu b’mod volontarju mas-Soċjetà u faħħar ix-xogħol li bih inżammet ħajja s-Soċjetà għall-iktar minn 20 sena.