Is-soċjetà ma tistax tippermetti l-użu limitat ta’ xi droga – Mons. Karm Farrugia

L-Assistent Direttur tal-Caritas, Mons. Karm Farrugia qal li billi kull droga hi ħażina u ta’ ħsara, is-soċjetà ma tistax tippermetti jew tipprovoka sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm deterrent, jew li jkun aċċettat l-użu limitat ta’ xi droga. Qal li mhix skuża li b’daqshekk se jitrażżan l-black market. 
Mons. Farrugia kien qed jitkellem waqt il-gradwazzjoni ta’ 20 żagħżugħ u żagħżugħa mill-mixja ta’ riabilitazzjoni fi ħdan il-Caritas.
Appella biex fid-diskussjoni dwar il-White Paper għar-riforma tal-liġijiet dwar id-droga, is-soċjeta’ tkun umli biżżejjed biex ma tmurx għal soluzzjonijiet li aktar jakkomodaw il-moda tal-mument milli jwieġbu għall-bżonnijiet tal-bniedem sħiħ.
Mons. Farrugia tenna t-talba biex titwaqqaf il-Qorti tad-Droga biex il-każi relatati magħha jinstemgħu aktar malajr, b’sentenzi li jressqu l-akkużat lejn il-kura li jeħtieg. Wiegħed li l-Caritas se tkompli tagħti s-sehem tagħha.
 
Fid-diskussjoni m’għandhomx jintesew l-effetti ta’ kull tip ta’ droga – L-Arċisqof Pawlu Cremona
Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof Pawlu Cremona appella li d-diskussjoni, fuq il-liġijiet dwar id-droga, issir b’viżjoni fit-tul fejn ma jintesew qatt l-effetti ta’ kull tip ta’ droga.
Spjega li fid-diskussjoni għandhom jiġu mħarsa numru ta’ prinċipji:

  • Li d-droga hija ħażina mhux għax kienet illegali, iżda hi llegali għaliex għandha effetti ħżiena fuq dawk li jeħduha.
  • Li jibqa’ jkun hemm inċentivi biex il-vittmi joħorġu minnha. Il-periklu hu li għaliex il-kannabis mhux se twassal għall-Qorti, xi wħud jinsew l-effetti ħżiena li jibqa’ jkollha fuq min jeħodha. Fl-Istati Uniti, sar studju fuq il-kannabis u sabu li żdied l-użu tagħha minn mindu din saret legali. U r-raġuni hi li qed jinsew l-effetti tagħha.
  • Li waqt li jiġu aġevolati l-vittmi tad-droga, tkompli u tiżdied il-ġlieda kontra t-traffikanti tad-droga għaliex xorta se jibqa’ suq għaliha.
  • Li jkomplu jsiru kampanji fuq l-effetti tad-drogi kollha, anki fl-iskejjel.

L-Arċisqof spjega li li r-rijabilitazzjoni mid-droga hija proċess twil u ta’ tbatija, u wiegħed li l-Knisja, anke jekk jitbiddel ix-xenarju preżenti, tibqa’ żżomm il-persuna fiċ-ċentru tal-missjoni tagħha u għalhekk tibqa’ toffri s-servizzi tagħha f’dan il-qasam.