Is-soċjetà hija storbjuża; bżonn aktar infurzar – AD

Is-soċjetà Maltija hi waħda storbjuża b’mod esaġerat u jeħtieġ li jingħata aktar każ lil dan it-tniġġiż skont l-Alternattiva Demokratika (AD).

Fi stqarrija, l-AD qalet li waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħaż-Żebbuġ iċ-Ċerpersin tal-AD Carmel Cacopardo u l-kandidat għall-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ Samuel Muscat qalu li għamlu l-konferenza hemm “minħabba stabiliment tad-divertiment li qiegħed bejn Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat li meta jopera jiġġenera ħafna storbju matul illejl u jkun ta’ inkonvenjent kbir.”

Muscat qal li teżisti t-teknoloġija biex dan ikun indirizzat.

“Iż-żoni residenzjali tagħna huma bumbardjati minn storbju eċċessiv iġġenerat minn muturi u karozzi immodifikati,” kompla jgħid Muscat li qal li qed iseħħ minħabba nuqqas ta’ nfurzar għax dawn il-modifiki huma llegali.

Cacopardo qal li xi żmien ilu saru regolamenti li jipprojibixxu xogħol ta’ kostruzzjoni qabel is-7 am, inkella wara t-8 pm kif ukoll fil-Ħdud u l-festi. Qal li mhux qed isir l-infurzar b’mod tajjeb.