Is-soċjetà għandha timxi pass pass mal-anzjani

Il-Papa jiltaqa’ ma’ mambri tal-Assoċjazzjoni Taljana tal-Ħaddiema Anzjani (Vatican Media)

Il-Papa Franġisku din il-ġimgħa ltaqa’ ma’ membri tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali Taljana tal-Ħaddiema Anzjani u sostna li għndna bżonn l-għerf u l-esperjenza tal-anzjani biex nibnu dinja li tirrispetta d-drittijiet ta’ kulħadd.

Din l-Assoċjazzjoni li twaqqfet fl-1949 tiġbor fiha professjonisti anzjani li jridu jkomplu jagħtu konribut lis-soċjetà bil-ħiliet u l-esperjenzi tagħhom.  Il-Papa tkellem dwar iż-żewġ staġuni tal-anzjanità.

L-istaġun tal-għotja

Il-Papa faħħar il-kontribut li l-anzjani jagħtu f’ħidma ta’ volontarjat u l-kura ta’ dawk fil-bżonn. “Il-volontarjat hu esperjenza tajba kemm għal min qed jagħmlu kif ukoll għal min qed jibbenefika minn din il-ħidma. L-impenn lejn l-oħrajn hu mediċina kontra s-solitudni, isaħħaħ il-menti u jgħinna nħossuna aħjar”.

Min hu nvolut f’ħidma volontarja huwa anzjan attiv u dan jgħin biex l-anzjani jkunu protagonisti “fil-bini ta’ komunità solidali”.

Il-Papa qal li l-akbar sfida għa-soċjetà fis-snin li ġejjin hi dik li “nagħmlu użu mir-riżorsa umana li l-anzjani jġibu fil-komunità, b’mod aktar effettiv”. Dan ifisser li nibnu u nħaddmu xbieki ta’ solidarjetà fejn l-anzjani jkunu “dawk li joħolmu”.  Il-ħolm tal-anzjani hu mogħni bil-memorja u għalhekk hu fundamentali għall-mixja taż-żgħażagħ”, żied jgħid il-Papa.

L-istaġun tad-djalogu

Ix-xjuħija hi “l-istaġun tad-djalogu”, għax “tippresupponi djalogu u laqgħa bejn l-anzjani u ż-żgħażagħ biex tinbena soċjetà aktar ġusta, isbaħ, soċjetà nisranija li tgħin”. Ix-xjuħija hu żmien ta’ grazzja fejn il-Mulej jerġa’ jsejjħilna: “Isejjħilna biex nippreservaw u ngħaddu l-fidi tagħna lill-oħrajn, nitolbu, ngħinu u nkunu qrib dawk fil-bżonn”.

L-anzjani, in-nanniet, “għandhom ħila unika u speċjali li jifħmu sitwazzjonijiet problematiċi”, żied jgħid il-Papa u “t-talba tagħhom hi b’saħħitha”. Huma fdati biex jittrasmettu l-esperjenza tal-ħajja, tal-istorja ta’ familja, ta’ komunità, ta’ poplu”. Jekk in-nanniet ma jkellmux lin-nepputijiet, ma jkunx hemm futur”, żied jgħid Papa Franġisku.

Nibnu soċjetà inklusiva

“Li ngħixu x-xjuħija bħala staġun ta’ għotja u djalogu”, qal il-Papa, ikisser l-isterjotip li l-anzjani huma morda, inkapaċi, dipendenti, weħidhom u beżżiegħa”.  Minflok, l-anzjanita attivà hi r-riżorsa u l-potenzjal tax-xjuħ tagħna. Ħafna drabi l-anzjani jitwarrbu f’isem sistema ekonomika bilanċjata “li fiċ-ċentru tagħha ma hemmx il-bniedem iżda l-flus”.

“Aħna lkoll imsejħa biex niġġieldu din il-kultura velenuża tal-ħela”, temm jgħid il-papa Franġisku. “Aħna msejħa biex nibnu soċjetà aktar umana u nklussiva li ma jkollhiex bżonn tarmi li dawk li huma dgħajfa fil-ġisem u fil-moħħ, imma timxi pass pass magħhom.