Is-soċjetà għandha tgħin lill-koppji jkunu ġenerużi u jnisslu l-ħajja – l-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li soċjetà li tħares lejn il-futur hija soċjetà li tiċċelebra l-ħajja. Qal li din tkun soċjetà li fir-rispett tal-prinċipji etiċi tgħin u twieżen lil dawk “il-koppji ġenerużi li jridu jikkoperaw mal-Ħallieq biex titnissel il-ħajja.”

Mons. Grech qal dan waqt l-omelija tiegħu waqt quddiesa li fiha sar ir-Rit tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf organizzata minn Dar Ġużeppa Debono. Din saret fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fl-Għarb fit-30 ta’ Ġunju.

Skont Mons. Grech, soċjetà li hija xħiħa mal-ħajja umana ma għandhiex futur. Semma “x-xokkijiet fil-qafas soċjali” li qed toħloq ir-rata baxxa tat-twelid, bħal fil-każ tas-sistema tal-pensjonijiet.

Fi kliem l-Isqof, il-ħajja hija don ta’ Alla u li wieħed għandu jħarisha mill-mument tat-tnissil.

“Fil-fatt, il-ħajja fil-ġuf hija suġġett ta’ drittijiet innati. Daqskemm huwa nuqqas serju meta ssir vjolenza fuq persuna adulta, daqshekk ieħor huwa gravi meta tiġi mmanipulata l-ħajja fil-ġuf. Ebda raġuni ma tiġġustifika li ssir selezzjoni bejn embrijun ‘perfett’ u ieħor ‘mhux perfett’. Id-dell biss tal-‘ewġenetika’, jiġifieri li ħajja fil-ġuf titneħħa għaliex jirriżulta li jkun ser ikollha xi għamla ta’ imperfezzjoni, joħoloq tħassib serju.”

Mons. Grech qal li kulħadd jaf b’familji li huma “eżemplari” fl-għożża li juru mat-tfal tagħhom li jkollhom xi diżabilità. “Tagħmel sewwa ħafna l-komunità li tieqaf ma’ dawn il-familji,” żied jgħid l-Isqof.

L-Isqof temm jgħid li l-ħajja fil-ġuf tgħajjat b’aktar qawwa għall-protezzjoni, għax hija ħajja fi stat dgħajjef.

Huwa għamel il-kuraġġ lill-familji li qed iġorru l-ħajja fil-ġuf biex ma jaqtgħux qalbhom.