Filmati: “Il-protesti mhux se jieqfu għax se jinbidel il-PM”

Read in English.

Illum saret l-ewwel protesta tas-sena organizzata mis-soċjetà ċivili, li waqtha l-attivisti stqarru li l-protesti mhumiex se jieqfu għax ħa jinbidel il-Prim Ministru. Il-protesta laħqet il-qofol tagħha b’Kunċert Kontra l-Korruzzjoni li qed isir wara. Fih qed jipparteċipaw għadd ta’ artisti lokali.

Meta ħabbru l-protesta, Repubblika u Occupy Justice qalu li qed jgħajtu għal protesta nazzjonali sabiex “tibda tintradd il-ġustizzja mal-korrotti, il-ħallelin u l-qattiela li ħatfu pajjiżna.” Minn nofs Novembru ‘l hawn saru għadd ta’ protesti wara li bdiet toħroġ aħbar xokkanti wara oħra b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

LIVE: mill-protesta

Posted by Newsbook.com.mt on Sunday, January 5, 2020

Folla nies inġabret quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta u bdiet miexja lejn il-Pjazza tal-Assedju l-Kbir. Fost l-għajat tal-folla spikkaw il-mistoqsijiet, “Fejn hu Keith? Fejn hu l-mowbajl?”

“Muscat u l-korrotti tiegħu jridu jitilqu mill-Parlament ukoll”

Vicki Ann Cremona mill-NGO Repubblika esprimiet xi xewqat tagħha għal din is-sena, ewlenija fosthom li trid li “Joseph Muscat u l-korrotti tiegħu jitilqu minnufih, mhux biss mill-karigi tagħhom ta’ Prim Ministru jew ministri, imma li jitilqu wkoll mill-Parlament, u minn kull forma ta’ poter f’pajjiżna.” Cremona indirizzat lill-Prim Ministru u qaltlu li m’għandu ebda dritt li jagħżel id-data tat-tluq tiegħu stess.

Ix-xewqat l-oħra tagħha huma li “l-korruzzjoni bla rażan ta’ Joseph Muscat” tiġi rikonoxxuta mill-poplu kollu, irrelevanti mill-kulur tiegħu, li l-qrati ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, u li l-politiċi Maltin jerġgħu jibdew jaħdmu għal Malta u jkunu denji tal-irwol tagħhom.

Cremona tkellmet ukoll dwar l-irwol li jrid jaqdi l-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta – li jrid jagħti fiduċja lil dawk li tilfu l-fiduċja fil-politiċi Maltin, li jsaħħaħ il-kredibbiltà ta’ Malta, li jġib lura s-serjetà fl-istituzzjonijiet, li jwettaq dak li indikat il-Kummissjoni Venezja u l-Parlament Ewropew, u li jinża’ l-poteri biex jiggarantixxi separazzjoni ġusta bejn il-ġudikatura, il-poter leġiżlattiv u l-poter eżekuttiv. Semmiet li f’isem Repubblika, hija bagħtet lista ta’ mistoqsijiet lil Chris Fearne u Robert Abela li s’issa għadhom ma twiġbux.

Żiedet tgħid li għalkemm se jinbidel il-Prim Ministru, Repubblika beħsiebha tibqa’ tiġġieled għall-ġustizzja.

“Il-PM il-ġdid irid jammetti li Daphne missu pproteġieha l-istat”

L-attivista Martina Farrugia qalet li l-firda f’Malta bħalissa teżisti għax hemm żewġ realtajiet: min jemmen li Daphne nqatlet biex tissikket u min jemmen in-narrattiva tal-Gvern dwar dan l-assassinju. Qalet li issa, min jiġi elett Prim Ministru, Chris Fearne jew Robert Abela, irid jara kif se jtemm din il-firda, u jista’ jagħmel dan, skont Farrugia, billi jgħidu li Daphne ma kinitx qed tigdeb, li l-Prim Ministru kien jaf bil-ftehimiet ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Yorgen Fenech iżda ddefendiehom, li Daphne missha ġiet protetta mill-istat meta kienet ġurnalista qed tagħmel xogħolha.

Farrugia qalet li peress li hemm riskju li l-bidla li ssir tkun waħda superfiċjali, jeħtieġ li tibqa’ ssir pressjoni fuq il-klassi politika sabiex l-istorja ma tirrepetix ruħha.

“Irridu repubblika fejn ġurnalista tikxef il-korruzzjoni u ma tittajjarx b’bomba”

Hu u jindirizza lill-ġemgħa, il-ġurnalist u bloger Manuel Delia xejjen l-għajdut li hemm attivisti li beħsiebhom jiffurmaw partit politiku ġdid. “Dawk li jaħsbu li rridu niffurmaw partit politiku ġdid ma fehmu xejn,” qal Delia. “Jekk tgħallimna xi ħaġa f’dawn is-sentejn hi li l-affarijiet huma kif inhuma minħabba l-partiti politiċi. Ieħor jonqos!”

Il-ġurnalist sejjaħ għal bidliet radikali u qal li huwa inutli li jkollna partit politiku ġdid jekk jibqa’ każ ta’ min jirbaħ jew jitlef. Irrimarka li “Nitilfu ċ-ċans li nibnu Repubblika li tkun għall-ġid ta’ kulħadd.” Delia spjega li l-bidliet radikali jinvolvu l-bini ta’ repubblika ġdida fejn tirrenja l-ġustizzja, u mhux li jneħħu partit wieħed biex idaħħlu ieħor u jżommu s-sistema partitarja bil-korruzzjoni u l-kriminalità tagħha.

Delia rrefera għall-kwistjoni tal-kritika li għadda Jason Micallef fil-konfront ta’ Alexandra Alden, u qal li Micallef insulta u intimida lill-artisti li azzardaw jikkritikaw lill-istess Gvern li tah l-irwol tiegħu. Iddeskriva lil Micallef bħala “abjett, injorant, inkapaċi” li “mogħni b’kollox ħlief nitfa kultura għandu ċ-ċwievet tal-kultura f’idejh.” Iddeskriva din is-sitwazzjoni bħala intimidazzjoni tal-istat. Żied jgħid li l-messaġġ ta’ Micallef kien indirizzat lil membri oħra tal-komunità artistika li jagħżlu s-silenzju minflok li jsemmgħu leħinhom minħabba kwistjoni bħal din. “Bis-silenzju tagħhom nitilfu lkoll kemm aħna,” temm jgħid Delia.

Delia saħaq fuq il-bżonn li Malta ssir repubblika ġdida, fejn issaltan il-liġi u d-delinkwenti jmorru l-ħabs mhux ġol-palazzi tal-Gvern, fejn ġurnalista tista’ tikxef il-korruzzjoni mingħajr ma jtajruha b’bomba, u fejn Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi jaffaċċjaw il-ġustizzja, mhux isiefru qisu xejn mhu xejn.

L-artisti li se jieħdu sehem fil-kunċert huma Beesqueeze, Beangrowers, Brikkuni, REA, Sam Christie, Alexandra Alden, il-Lapes u Ċikku l-Poplu. Il-protesta kellha tibda fit-3pm, u l-kunċert fl-4.30pm quddiem il-qorti.

Alexandra Alden, waħda mill-ġurija fil-programm X Factor, ġiet ikkritikata miċ-Chairperson tal-Aġenzija tal-Kultura tal-Belt Valletta Jason Micallef talli offriet li tieħu sehem f’dan il-kunċert. Huwa mbagħad qala’ kritika qawwija tal-kummenti li għadda fil-konfront ta’ Alden. Minkejja l-kritika, Alden għażlet li tipparteċipa xorta waħda.