Is-Soċjetà Ċivili tiddeskrivi r-reshuffle bħala farsa

Minkejja li Konrad Mizzi tneħħewlu l-Ministeri tal-Enerġija u s-Saħħa, il-protesta nazzjonali organizzata mis-Soċjetà Ċivili se tkun qed issir xorta waħda nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju.
“Ir-reshuffle farsa li ħabbar il-Prim Ministru aktar kmieni din il-ġimgħa huwa insult għall-intelliġenza tal-Maltin li jemmnu f’governanza tajba.”
Fi stqarrija, l-organizzaturi qalu li xorta waħda se jkunu qed isejħu għar-riżenja immedjata ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri mill-pożizzjoni tagħhom.
“Meta f’demokraziji oħra ħarġu ismijiet ta’ politiċi u persuni oħra viċin il-politiċi, dawn irreżenjaw minn jeddhom.
Il-protesta se ssir quddiem il-Parlament u tibda fl-10am. Mhux se jkun hemm l-ebda diskorsi u se tkun waħda paċifika u mhux partiġġjana.
L-organizzaturi qed iħeġġu lill-individwi u anke organizzazzjonijiet biex jattendu u magħhom jieħdu tabelli li jagħmlu huma stess.