Jistennew lil Scicluna jwieġeb dwar uffiċjali mkeċċija mill-FIAU

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili f’Malta talab lill-Ministru Edward Scicluna biex jgħid jekk kellux xi forma ta’ involviment, anke involviment indirett, fid-deċiżjoni li jitkeċċew l-uffiċjali tal-FIAU Jonathan Ferris u Charles Cronin bl-eżatt wara li tħabbar ir-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali.
Dan seħħ fil-jiem ta’ wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet meta l-istess persuni kienu responsabbli mis-sezzjoni tal-analiżi finanzjarja u s-sezzjoni tal-compliance tal-FIAU rispettivament.
In-Netwerk innota li t-tkeċċija ta’ dawn l-uffiċjali mill-FIAU seħħet fl-istess żmien li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien staqsa pubblikament jekk rapporti tal-FIAU kienux inktibu bil-ħsieb li jkunu leaked.
Qal li s-sena l-oħra Malta ġarrbet “umiljazzjoni qawwija” li fi f’perjodu qasir ta’ tliet xhur irriżenjaw mill-karigi rispettivi tagħhom kemm il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar kif ukoll id-Direttur tal-FIAU Manfred Galdes.
Sostna li dan kollu ma seħħx f’iżolament, iżda fid-dawl ta’ rapport tal-FIAU li jippunta is-swaba ta’ din l-istituzzjoni lejn indiviwdwi fis-saffi għolja tal-poter politiku Malti.
In-Netwerk temm l-istqarrija billi kkwota lill-Prim Imħallef Silvio Camilleri fejn f’Ottubru ta’ din is-sena fid-diskors tal-ftuħ tas-sena forensic qal li “jekk ikun hemm il-piena għal uħud iżda mhux għal oħrajn allura l-Qrati ma jibqgħux aktar amministraturi tal-ġustizzja iżda jsiru amministraturi tal-inġustizzja billi jispiċċaw jippenalizzaw lil uħud iżda mhux lil oħrajn.”