“Is-soċjetà ċivili qed tingħata dejjem anqas spazju” – delegazzjoni tal-PE

Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f'Ġinevra qalet li “hu ta' tħassib li s-soċjetà ċivili qed tingħata dejjem anqas spazju għall-ħidma tagħha."
Spjegat ukoll li "hemm bżonn aktar investiment fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem b'mod speċjali fil-qasam tad-demokrazija, s-saltna tad-dritt, il-kontabilità u l-ġlieda kontra l-impunità.
Il-Membri Parlamentari Ewropej kienu qed jattendu għas-sessjoni tar-rebbiegħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda f'Ġinevra. Id-delegazzjoni kienet tinkludi MPE Malti Francis Zammit Dimech.
Id-delegazzjoni ltaqgħet ukoll mal-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Bniedem il-Prinċep Zeid Ra’ad Al Hussein.
Zammit Dimech li hu membru tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedmem qal li minkejja li għaddew 70 sena minn meta ġiet iffirmata d-dikjarazzjoni universali dwar id-drittijiet tal-bniedem għadna ‘l bogħod milli jkun hemm rispett assolut lejn id-drittijiet fundamentli tal-bniedem.
Il-MPE qalu li f'diversi partijiet madwar id-dinja, il-ħarisen tad-drittijiet tal-bniedem qed jonqos u għalhekk sostna li hemm bżonn li b'mod urġenti tigi indirizzata din is-sitwazzjoni. Huma saħqu li l-UE għandha sservi bħala forza globali li tħares id-drittijiet fundamentali tal-bniedem fuq skala dinjija.
Zammit Dimech mexxa wkol laqgħa dwar id-dritt tal-privatezza mar-Rapporteur speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-dritt tal-privatezza Joseph Cannataci.
Matul din il-laqgħa kien diskuss x’irid isir biex iċ-ċittadin ikun imħares aħjar kontra sistemi li mingħajr ma jaf ikunu qed jispjunaw fuq kull ma jkun qed jagħmel. 
Sostna li dan huwa meħtieġ li jkun regolat fuq levell Ewropew u anki internazzjonali minħabba min-natura mifruxa tal-internet u sistemi moderni ta’ sorveljanza u anki tkixxif fuq in-nies minn kumpaniji kummerċjali.
Waqt iż-żjara tagħhom, l-Ewroparlamentari kellhom laqgħat dwar il-libertà li tfisser li wieħed iħaddan twemmin jew reliġjon b’mod ħieles, l-isfruttar sesswali tal-minuri, kif ukoll taħditiet dwar id-drittijiet tat-tfal.