“Is-soċjetà ċivili għadha mhix inkluża fir-riforma kostituzzjonali” – Repubblika

Repubblika wriet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li dak li nbeda fuq ir-riforma kostituzzjonali ma inkludiex lis-soċjetà ċivili. Dan qalitu filwaqt li esprimiet l-apprezzament tagħha għal dak li qal il-President George Vella li dan il-proċess m’għandux ikun limitat għall-interessi taż-żewġ partiti politiċi fil-Parlament, iżda għandu jinkludi parteċipazzjoni wiesgħa, inkluż dik tas-soċjetà ċivili.

L-għaqda mhux governattiva qalet li l-istedina lill-pubbliku sabiex jissottometti suġġerimenti dwar kif għandha tinbidel il-Kostituzzjoni tidher li hi limitata fl-iskop tagħha, peress li skont ma fehmet l-għaqda, il-partiti politiċi jistgħu janalizzaw dak li jkun suġġerit u jaċċettaw u jwarrbu dak li jidhrilhom minnu.

“Il-parteċipazzjoni tal-President mhix ta’ serħan il-moħħ”

Repubblika saħqet li l-Kostituzzjoni tillimita l-poter ta’ dawk li jiggvernaw, u għalhekk, hi tal-fehma li min jiggverna “mhux idonju sabiex jieħu d-deċiżjonijiet dwar kif is-setgħa tiegħu għandha tkun limitata.” Apparti dan, għall-NGO, il-parteċipazzjoni tal-President fil-proċess mhijiex “ta’ serħan il-moħħ.” Dan minħabba li, skonthom, il-parteċipazzjoni tiegħu taqbeż il-limiti tal-poteri u r-responsabbiltajiet tiegħu.

L-NGO ġabet eżempju bil-fatt li dan is-sajf, għaddej il-proċess biex jiġi impjegat avukat tal-Gvern fid-direzzjoni “unika u esklussiva” tal-Prim Ministru, bħala riżultat ta’ emendi “li ma kienu diskussi ma’ ħadd ‘il barra mill-Parlament.”

“Ma tawx widen għas-suġġerimenti tagħna”

Wara li huma ppreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom fuq il-proċess ta’ riforma tal-Kostituzzjoni lill-President Marie-Louise Coleiro Preca f’Marzu, qed jerġgħu jissottomettu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom, li jtulu 43 paġna, peress li qalu li ma ngħatawx widen, lanqas mill-President George Vella minn mindu nħatar President.