Read in English.
Il-protesti organizzati mis-soċjetà ċivili se jkomplu f’Jannar. Dan hekk kif l-NGO għas-Saltna tad-Dritt Repubblika u l-grupp Occupy Justice ħabbret protesta nazzjonali fil-5 ta’ Jannar.
Fi stqarrija dalgħodu, l-NGOs qalu li qed jgħajtu għal protesta nazzjonali sabiex “tibda tintradd il-ġustizzja mal-korrotti, il-ħallelin u l-qattiela li ħatfu pajjiżna”.
Huma esprimew ir-rabja u l-inkwiet tagħhom għal dak kollu li għaddej bħalissa fil-pajjiż, u qalu li huwa ċar għal kulħadd li “l-pretensjoni ta’ normalità qed tgħatti l-kollass istituzzjonali tad-demokrazija tagħna.”
Repubblika ħabbret ukoll li se tkun qed issejjaħ laqgħa ġenerali għall-membri tagħha sabiex tiddiskuti viżjoni għal Malta ġdida fil-11 ta’ Jannar 2020.
L-għaqdiet qalu li aktar dettalji dwar iż-żewġ avvenimenti se jitħabbru fiż-żmien li ġej.