Is-Soċjetà Ċivili b’€118,000 f’għajnuna finanzjarja

46 organizzazzjoni fi ħdan is-soċjetà ċivili bbenefikaw minn total ta’ €118,000 f’għajnuna sabiex jibqgħu attivi fuq livell Ewropew.
Il-flus ġew mill-Fond għas-Soċjetà Ċivili, liema fond hu amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju f’isem is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat.
F’ċerimonja fiċ-Ċentru tal-Volontarjat fil-Belt Valletta, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qassam għotjiet finanzjarji lir-rappreżentanti ta’ dawn l-għaqdiet.
Grima sostna li l-Gvern ikun qed jaġixxi b’mod responsabbli meta jalloka fondi nazzjonali lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għax skontu dawn l-għaqdiet qed wiasslu leħen Malta fis-sessjonijiet plenarji tal-EU, liema sessjonijiet qed iwasslu għall-iktar kollaborazzjoni u opportunitajiet biex jisfruttaw il-fond tal-EU.
Kull organizzazzjoni hija intitolata għal 80% tal-ispejjeż kollha li tkun għamlet f’parteċipazzjoni f’fora, mhux biss lokali imma anki fuq livell Ewropew.
L-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (CSOs) huma kkunsidrati bħala s-sinsla ta’ kwalunkwe soċjetà demokratika. Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (CSO’s) jinkludu organizzazzjonijiet mhux governattivi (organizzazzjonijiet volontarji), organizzazzjonijiet lokali, koperattivi, Trejd Unjins, assoċjazzjonijiet professjonali, universitajiet, misja u fondazzjonijiet indipendenti.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech