Is-soap opera Beautiful tikser rekord ġdid ta’ udjenzi

Ritratt: Cliff Lipson/CBS

Is-soap opera Amerikana The Bold and the Beautiful, li hawn Malta hija segwita permezz tal-istazzjon Taljan Canale 5, għadha kif kisret rekord ġdid f’dawk li huma udjenzi.

Din is-soap opera diġà kienet imniżżla fil-Guiness Book of Records bħala l-aktar sensiela segwita madwar id-dinja fil-ħin ta’ wara nofsinhar minħabba li huma bil-miljuni li jsegwuha f’aktar minn 100 pajjiż.

Issa għandha rekord ġdid u l-produtturi u l-kast qed jiċċelebraw bil-kbir.

Dan għaliex dan l-aħħar, wara li ilha aktar minn 32 sena tixxandar, din is-sensiela rnexxielha titla’ fl-ewwel post tal-aktar programm segwit wara nofsinhar fl-Istati Uniti, u b’hekk ħadet post is-sensiela The Young & The Restless (Febbre d’Amore), li għal għexieren ta’ snin ilha tokkupa din il-pożizzjoni.

L-istess riżultati jindikaw li din is-soap opera hija segwita ferm minn dawk li għandhom bejn it-18 u d-49 sena, imma l-aktar li qed issir enfasi fuqha hija li din is-soap opera rnexxielha tirbaħ l-udjenza żagħżugħa.

Ritratt: Howard Wise/jpistudios

Intant għal dawk li jsegwu din is-sensiela fuq l-istazzjon Canale 5, ninfurmawhom li wara l-waqfa li kien hemm minħabba fil-vaganzi tas-sajf, din is-soap opera se tirritorna lura għada t-Tnejn u se tkun qed tixxandar bħas-soltu mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-1.40pm.

Ritratt: ChrisD/jpistudios

Matul din il-ġimgħa se tispikka l-ġlieda għall-kustodja ta’ Will u naraw ukoll fil-puntati li jsegwi kif jinqala’ diżgwid bejn Ridge u Brooke hekk kif il-mara ssir taf li żewgħa għandu konnessjonijiet mal-Imħallef li qed jisma’ l-każ.

Ritratt: ATRESMEDIA CORPORACION DE MEDIOS DE COMUNICACION S.A.

Apparti Beautiful, għada t-Tnejn tasal ukoll lura s-soap opera Spanjola Il Segreto. Se naraw kif Fe se tispiċċa mweġġa’ serjament minn Faustino u tittieħed malajr għall-kura. Iżda se ssalva?

Ritratt: GLOBAL TELIF HAKLARI YAPIMCILIK

L-iskeda tal-programmi ta’ wara nofsinhar, minn għada t-Tnejn fuq il-Canale 5 hija kif ġej:

Beautiful tixxandar fis-1.40pm u warajha timxi lura għall-ħin tas-2.10pm is-soap opera Spanjola Una Vita u fit-2.45pm is-soap opera Torka Bitter Sweet biex imbagħad fit-3.30pm jixxandru l-puntati ġodda tas-soap opera Spanjola Il Segreto.