​Is-Slimiżi se jispiċċaw fid-dell b’żewġ torrijiet għoljin – AD

Alternattiva Demokratika qalet li r-residenti f’Tas-Sliema se jispiċċaw fid-dell jekk jinbnew żewġ torrijiet għoljin fil-qalba tal-lokalità.
Iċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola tkellem dwar l-effetti negattivi li se jħallu torri ta’ 38 sular f’Qui Si Sana u ieħor ta’ 40 sular f’Fort Cambridge, fosthom li se jitnaqqas id-dawl tax-xemx.
Qal li anka l-bajja ta’ Qui Si Sana se tispiċċa fid-dell. Min barra dan semma kif żewġ proġetti bħal dawn se jwasslu għal aktar tniġġiż tal-arja, konġestjoni akbar ta’ traffiku u anqas postijiet ta’ parkeġġ.
Arnold Cassola qal li huwa insult għar-residenti Slimiżi meta l-iżviluppaturi jgħidu li mhux se jkun hemm impatt fuq it-traffiku tal-lokalità.
Alternattiva Demokratika rreferiet ukoll għal studju xjentifiku ambjentali li kien joġġezzjona għal żvilupp ta’ dan it-tip.