Is-Slimiżi bi ħġarhom biex jirrestawraw djarhom

L-akbar numru ta’ applikazzjonijiet ġew minn Tas-Sliema għat-tieni edizzjoni tal-iskema Irrestawra Darek.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Proġetti Kapitali u s-Segretarjat Parlamentari għas-Suq tal-Proprjetà qalu li 61 applikazzjoni għall-iskema ġew minn Tas-Sliema. 52 applikazzjoni ġew minn Ħaż-Żebbuġ u 48 ġew mill-Belt Valletta. Kien hemm total ta’ 803 applikazzjonijiet.
Il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li din l-iskema, li nfetħet fit-2 ta’ April ta’ din is-sena, se tkun ingħalqet għall-pubbliku ġenerali llum. Qal li dan kien rekord ġdid għal din l-iskema.
Il-Ministru fakkar li din is-sena, l-iskema Rrestawra Darek rat żieda ġenerali ta’ €2 miljun fil-baġit allokat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li permezz ta’ din l-iskema wera l-impenn tal-Awtorità biex tippromwovi “l-investiment fir-restawr u l-konservazzjoni tal-qalba tar-raħal u bini protett”.
Buttigieg qal li għalkemm ingħalqet waħda mill-kategoriji fakkar li hemm gruppi oħra għal min din l-iskema hija mmirata. Qal li €1 miljun huma allokati għall-persuni bi bżonnijiet speċjali.