Is-slime rtirat mis-suq għax perikoluż

Id-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq ħabbar li s-slime DIY li jilagħbu biha t-tfal ġiet irtirata mis-suq peress li hi ta’ periklu.

Fi stqarrija, id-Direttorat li jaqa’ taħt l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur qal li ttestja għadd ta’ ġugarelli ta’ slime fis-suq lokali bħala parti mill-Proġett CASP 2019, iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Irriżulta li l-ġugarell DIY Slime huwa ta’ riskju.

Dan peress li mhuwiex konformi mal-istandard applikabbli, peress li għandu livelli għolja tas-sustanza boron. Il-kwantità ta’ boron li fih huwa iżjed mil-limitu aċċettabbli, u jaf jagħmel ħsara lis-sistema riproduttiva tat-tfal.

L-Awtorità qalet li hi f’kuntatt mal-importatur lokali biex jiġbor il-prodott mill-ħwienet. Dawk li xtraw dan il-prodott twissew biex ma jużawhx u biex jirritornawh lil tal-ħwienet.

Għal iżjed mistoqsijiet jistgħu jintbagħtu emails fuq marketsurveillance@mccaa.org.mt.