Is-Sliema Arts Festival jitħassar minħabba dewmien ta’ fondi

Il-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema ħabbar li se jkollu jħassar l-edizzjoni ta’ din is-sena tas-Sliema Arts Festival minħabba li l-fondi tal-Gvern damu biex ġew allokati.
Fi stqarrija l-Kunsill Lokali tas-Sliema qal li għalkemm ilu jiġri wara d-Dipartiment tal-Fond tal-Kultura tal-Gvern minn Novembru, l-iskema tal-fondi se titqassam dan ix-xahar u għalhekk hu impossibli li l-festival isir.
Dan għaliex il-Festival jirrikjedi mill-inqas sitt xhur ta’ preparamenti, fosthom koordinazzjoni ma’ diversi artisti lokali u barranin.
Il-Kunsill sostna li l-Fond Kulturali tal-Gvern ikopri 30% tal-ispejjeż ta’ dan il-Festival.
Filwaqt li jittama li l-festival ikun jista’ jsir is-sena d-dieħla, il-Kunsill qal li l-bord li jieħu ħsieb l-iskema tal-fondi aġixxa b’mod mhux xieraq jekk assuma li avveniment hekk kbir jista’ jiġi organizzat fi ftit ġimgħat.
Ritratt: Sliema Arts Festival